122 persuna qed jistennew trapjant | One News

Notifiki

122 persuna qed jistennew trapjant

 

Mija u tnejn u għoxrin persuna jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għal trapjant.

Il-maġġoranza – ħamsa u disgħin – qed jistennew kilwa. Tlettax qed jistennew kornea, tmienja għandhom bżonn fwied, tlieta għandhom bżonn qalb u tlieta oħra pulmun.

Ċifri li ONE News kiseb mingħand il-koordinatur tat-trapjanti fl-Isptar Mater Dei s-Sur Paul Calleja, li stqarr kif minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tad-donazzjoni tal-organi f’Diċembru tal-elfejn u sittax, il-proċess biex isir trapjant tħaffef u tjieb.

Calleja qal li “Il-proċess issa sar iktar ħafif għalkemm xorta għadna nitolbu l-consent mingħand il-familja imma once li bniedem huwa reġistrat fir-reġistru tal-organi, dik il-persuna hija legalment donatur.”

Il-kliewi huma l-aktar organi li jkun hemm domanda għalihom.

Sa issa din is-sena saru disa’ trapjanti tal-kliewi minn persuni mejta, u tlieta minn persuni ħajjin.

Is-sena li għaddiet – li kienet sena rekord meta wieħed jara t-trapjanti kollha li saru mhux biss tal-kliewi, saru sittax-il trapjant tal-kliewi minn persuni mejta u ħamsa minn persuni ħajjin.

Filwaqt li fl-elfejn u sittax, saru ħmistax-il trapjant tal-kliewi minn persuni mejta u sitta minn persuni ħajjin.

Is-Sur Calleja qal li qabel wieħed jiddeċiedi jkun donatur għandu jikkonsulta mat-tabib tiegħu, speċjalment jekk ikollu xi kundizzjoni medika.

Spjega li “Aħna ovvjament meta jkollna donatur ħa naraw il-medical history tiegħu u ħa nieħdu t-testijiet jiġifieri aħna nikkunsidraw kollox.”

Trapjant ta’ organu għandu potenzjal li jsalva u jtejjeb ħajjet persuna, u meta wieħed ikun donatur jista’ jsalva sa tmien ħajjiet. Dan filwaqt li jkun jista’ jtejjeb il-ħajja ta’ mill-inqas ħamsin persuna bid-donazzjoni ta’ tessuti.

Meta persuna tirreġistra, għandha d-dritt li tagħżel liema organi tixtieq tagħti.

Calleja qal li “Il-persuna għandha dritt matul ħajjitha li tbiddel dik id-deċiżjoni u tista wkoll toħroġ minn dik id-deċiżjoni u toħroġ mir-reġistru.”

Dawk li jridu jingħaqdu mal-erbatax-il elf li diġà rreġistraw lilhom infushom bħala donaturi tal-organi, jistgħu japplikaw fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa, jew jiġbru applikazzjoni mir-Renal Unit jew mir-Reception f’Mater Dei, jew mill-Kunsill Lokali rispettiv.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend