ARA: Korsija ġdida bejn l-Imtarfa u l-Mosta f'Buqana | One News

Notifiki

ARA: Korsija ġdida bejn l-Imtarfa u l-Mosta f’Buqana

Sal-aħħar ta’ din is-sena, Infrastructure Malta ser tibda proġett ta’ titjib fi Triq Buqana, il-konnessjoni ewlenija bejn l-Imtarfa, l-Mosta u l-Imġarr, sabiex iżżid korsija għall-vetturi fid-direzzjoni tat-tramuntana u korsija għar-roti ġdida, b’tul ta’ 1.8 kilometri, fl-istess rotta.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-aġenzija ħarġet sejħa għall-offerti biex tqabbad il-kuntratturi tat-toroq għax-xogħlijiet meħtieġa. Dawn jinkludu l-bini tal-infrastruttura ġdida li ser tiżdied ma’ din it-triq, kif ukoll wiċċ ġdid għall-korsiji li nużaw bħalissa fl-istess arterja. Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta ser tkun qed iżżid l-infrastruttura li tħajjar aktar persuni jużaw mezzi ta’ vvjaġġar alternattivi, waqt li tkompli tnaqqas id-diffikultajiet li jwasslu għal dewmien fl-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija lejn it-tramuntana tal-pajjiż, u lejn Għawdex.

Bħalissa Triq Buqana għandha żewġ korsiji għall-karozzi, waħda għal kull direzzjoni, kif ukoll bankina u korsija għar-roti magħqudin flimkien f’direzzjoni waħda, lejn in-nofsinhar. Permezz ta’ dan il-proġett, din it-triq ser titwessa biex tiżdied korsija oħra għal dawk li jivvjaġġaw lejn it-tramuntana, mill-Imtarfa għall-Mosta, kif ukoll korsija għar-roti maqtugħa mill-korsiji għall-karozzi, fl-istess direzzjoni. Fl-istess waqt, iż-żewġ roundabouts li hemm fit-truf ta’ din it-triq ser jinbnew b’disinn ġdid, biex ikollhom aktar spazju għall-ivvjaġġar f’inqas ħin u biex jitnaqqsu r-riskji ta’ ħabtiet u aċċidenti oħra.

Fit-tarf tat-triq tan-naħa tan-nofsinhar, fl-Imtarfa, ir-roundabout li ser tieħu post dik li hemm bħalissa ser ikollha korsija ġdida biex iddur magħha b’inqas diffikultà. Fl-istess waqt, ir-roundabout ser ikollha sistema ta’ cycle priority lanes li jgħinu liċ-ċiklisti jduru magħha b’mod aktar sigur. Sistema simili ta’ cycle priority lanes ser issir ukoll fir-roundabout li hemm fit-tarf l-ieħor, bejn Triq Buqana, l-Imġarr u l-Mosta. F’din il-ħolqa, ser jinbnew ukoll tliet bypass lanes ġodda. Permezz ta’ l-ewwel waħda, meta tkun ġej minn Triq Buqana lejn it-tramuntana, tkun tista’ tibqa’ sejjer lejn Triq Sir Temi Zammit, fid-direzzjoni ta’ l-Imġarr, mingħajr ma’ ddur mar-roundabout. It-tnejn l-oħra ser jgħaqqdu b’mod dirett il-korsija lejn in-nofsinhar ta’ Triq Sir Temi Zammit ma’ Triq ta’ Żejfa, il-Mosta (l-inħawi taż-Żokrija) u Triq San Pawl tal-Qliegħa, il-Mosta (l-inħawi Ta’ Sriedek) lejn Triq Buqana fid-direzzjoni ta’ l-Imtarfa.

Infrastructure Malta ser tkun qed tagħmel ukoll xogħlijiet taħt il-livell ta’ din it-triq, sabiex jinbidlu u jissaħħu s-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku, tal-ilma, tad-drenaġġ u tat-telekomunikazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-kumpaniji li jipprovdu dawn is-servizzi. Ser isiru wkoll pajpijiet u sistemi ġodda ta’ ġbir tal-ilma tax-xita.

Il-bini mill-ġdid ta’ Triq Buqana qed jiġi ppjanat li jitwettaq f’diversi fażijiet, sabiex jitlesta fi żmien tmien xhur minn meta jibda aktar tard din is-sena. Dan il-proġett jista’ jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), Programm Operattiv I (2014-2020).

Infrastructure Malta qed tkompli taħdem biex tibqa’ ttejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtá tas-sistema tat-toroq u l-infrastruttura kollha marbuta magħha, f’Malta u Għawdex.

Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew [email protected]

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend