Il-GWU favur il-proposta mressqa mill-MPE Miriam Dalli dwar il-family leave | One News

Notifiki

Il-GWU favur il-proposta mressqa mill-MPE Miriam Dalli dwar il-family leave

F’laqgħa li kellha l-General Workers’ Union mal-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, il-Union saħqet li taqbel ma’ u hija favur il-proposta mressqa mill-MPE Miriam Dalli dwar l-introduzzjoni ta’ Family Leave.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja stqarr li l-GWU taqbel mal-proposta mressqa mill-MPE Miriam Dalli dwar il-ħtieġa ta’ leave tal-familja li jippermetti lill-ġenituri jipparteċipaw aktar fit-trobbija tal-ulied. Qal li dwar dan għandha tinħoloq diskussjoni aktar miftuħa bil-għan li nsibu l-aħjar soluzzjoni ħalli aktar familji igawdu mill-opportunità li l-ġenituri jkunu iżjed preżenti u jwieżnu lil xulxin fit-trobbija tal-ulied.

Min-naħa tagħha il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli spjegat kif fid-dinja tal-llum il-ħtiġijiet tal-familja qed jinbidlu u t-trobbija tat-tfal hija taż-żewġ ġenituri. “Il-ġenituri għandhom rwol kruċjali x’jilgħabu fit-trobbija tat-tfal tagħhom b’mod indaqs u l-kunċett ta’ leave tal-familja jiffaċilita aktar it-tqassim tar-responsabilità bejn il-ġenituri filwaqt li anke jsaħħaħ ir-relazzjoni li t-tfal ikollhom mal-ġenituri taghhom,” qalet Dalli.

Barra minn hekk, Dalli saħqet li fid-diskussjoni dwar il-kunċett tal-familja hija meħtieġa wkoll il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem sabiex nassiguraw li nipproteġu l-familji li huma l-qofol tas-soċjetà tagħna. Fl-istess waqt, Dalli qalet li l-family leave jassigura wkoll li aktar nisa jkomplu jidħlu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li jonqos iċ-ċans li jkun hemm preferenzi bejn mara u raġel meta dawn japplikaw ghal pożizjoni fuq post tax-xogħol minħabba li raġel mhux intitolat għal-leave daqs il-mara wara t-twelid tat-tarbija.

Temi oħra li ġew diskussi fil-laqgħa bejn il-GWU u l-MPE Miriam Dalli kienu l-futur tad-dinja tax-xogħol u l-iżviluppi li qed iseħħu fl-istess qasam. Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja tkellem dwar l-isfidi ewlenin fosthom il-ħtieġa li jkun hemm impenn akbar mill-Unjoni Ewropea għall-għajnuna fi programmi ta’ taħriġ li jippreparaw lill-ħaddiema għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, fosthom id-diġitalizzazzjoni tal-post tax-xogħol.

B’rabta ma’ dan, Dr Dalli spjegat kif fil-ħidma tagħha dwar il-liġi li se tnaqqas l-emissjonijiet CO2 mill-karozzi hija qed tenfasizza li jingħata taħriġ lill-ħaddiema fl-industrija tal-karozzi biex ikunu mħarrġa fuq teknoloġiji ġodda li bihom se jkunu qed jaħdmu karozzi ġodda bil-għan li tkun assigurata mobiltà tax-xogħol sostennibli.

Bugeja saħaq ukoll dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħraf l-insolarità ta’ pajjiżna u x’effett qed ikollha fuq il-kompetittività produttiva ta’ Malta. Hawn huwa rrefera għall-ispejjeż tat-trasport biex il-kumpaniji li qed joperaw f’pajjiżna jesportaw il-prodotti tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali spjega wkoll il-ħidma li qed twettaq il-GWU biex il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur ikun estiż anke għal ħaddiema ta’ kuntratturi li jagħtu servizz f’kumpaniji privati. Qal li t-twessiegħ ta’ dan il-prinċipju se jkollu effetti pożittivi fuq diversi livelli: l-ewwel għaliex se jelimina aktar il-prekarjat fuq il-post tax-xogħol fejn għandek ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol iżda wieħed li huwa impjegat dirett tal-kumpanija jitħallas mod u impjegat ta’ kuntrattur jitħallas anqas; kif ukoll li se jħaffef il-proċess ta’ integrazzjoni tal-ħaddiema barranin u b’hekk dawn ma jibqgħux jidhru li qed jwaqqgħu l-livelli tal-pagi.

Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi setturi ekonomiċi jiġġeddu u jibdew jirriflettu r-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema tal-lum. Qal li bħala GWU diġà tat is-sehem tagħha f’eżerċizzju biex ikunu aġġornati diversi Work Regulation Orders bil-għan li jwasslu lil ħaddiema jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol li lhom is-snin jitgawdew minn ħaddiema f’setturi oħra. Fost oħrajn semma’ l-ħlasijiet tal-ħdud u anke ħinijiet tax-xogħol fis-settur turistiku.

 

Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu jikkoperaw u jikkordinaw fuq materji ta’ interess lokali u fuq livell Ewropew.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend