Boom Kulturali – One News

Notifiki

Boom Kulturali

Is-Sibt 21 ta’ Lulju naħseb li kien Sibt fenominali mill-perspettiva kulturali.

Eluf ħonqu l-fosos, fejn kellna l-kunċert ta’ Joseph Calleja, bis-sehem ta’ Eros Ramazzotti u ta’ Emma Muscat fost oħrajn.  L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet eċċezzjonali.  Kien hemm ukoll il-kor tat-tfal.  Sfortunatament ma tantx kellhom iċ-ċans li juru l-ħila tagħhom għax il-vuċi tal-kor intradmet.  Ħasra għax minn jaf kemm kienu ppreparati u eċitati.  Jekk mhux sejjer żball, is-sena l-oħra kellhom opportunità li jkunu huma l-attrazzjoni f’numru wieħed mużikali.  Billi l-kunċert tas-sena d-dieħla diġa hu reklamat u ser nerġgħu naraw lil Andrea Bocelli jakkumpanja lil Joseph Calleia, nissuġerixxi li l-kor ikollhom l-ħin tagħhom.  Meraviljuż u professjonali kien il-palk.

Imma il-kunċert ta’ Joseph Calleia ma kienx l-unika attrazzjoni.  Is-sajf joffrilna vetrina tal-aqwa ħiliet kulturali li għandna f’pajjiżna, flimkien ma’ esponenti minn pajjiżi oħra permezz tal-Festival Internazzjonali tal-Arti taħt it-tmexxija dinamika ta’ Festivals Malta.  Fi Pjazza Teatru Rjal, kellna wirja oħra mpekkabbli tal-musical oriġinali ‘Il-Ħanina Madalena’.  Kulħadd għadu jiftakar ‘Balzunetta Towers’ li rajna s-sena l-oħra.  Ma kienitx sorpriża li s-surmast Dominic Galea jerġa jagħtina musical ieħor ta’ kwalità għolja.  Taw sehemhom ukoll Simon Bartolo u Loranne Vella. Id-direzzjoni kienet ta’ Josette Ciappara.  Kif wieħed jistenna, Chiara, Amber, Dorothy Bezzina, Leontine u l-bqija tal-kast taw pjaċir lill-udjenza.

Għal min iħobb il-Jazz, is-Sibt 21 ta’ Lulju offra xi ħaġa oħra meraviljuża.  Fil-post tradizzjonali Ta’ Liesse, il-famuż Chick Corea Trio reġa paxxa in-nies bil-mużika jazz tiegħu.  Is-serata kienet tinkludi lill-Portugiż João Bosco.

In-nies ikkonkorrew bi ħġarhom, xhieda li llum saret tfittex avvenimenti kulturali.  U ngħiduha kif inhi, dawn ma’ kienux l-uniċi attivitajiet li kellna.  Kien hemm festival tal-inbid, festi f’diversi inħawi ta’ Malta u Għawdex u fis-swali taċ-ċinema, ma naqsux in-nies li marru jaraw ‘Mamma Mia! Here We Go Again’.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend