ARA: Il-Proġett Marsa Ħamrun Bypass se jitlesta 7 xhur qabel | One News

Notifiki

ARA: Il-Proġett Marsa Ħamrun Bypass se jitlesta 7 xhur qabel

 

Ix-xogħol infrastrutturali fuq il-bini ta’ żewġ korsiji ġodda fil-Marsa Ħamrun bypass jidher li se jitlesta qabel iż-żmien pjanat.

Il-proġett beda f’Marzu li għadda u fi ftit jiem oħra se tkun intemmet l-ewwel fażi tal-proġett meta se jingħata wiċċ ġdid lil żewġ korsiji ġodda li saru li se jkunu qegħdin iwessgħu il-bypass għal tliet korsiji f’kull direzzjoni.

Il-proġett għandu l-għan li jnaqqas it-traffiku li joħroġ mill-mini ta’ santa venera għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta bis-sewwieqa se jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin dritt mingħajr il-bżonn li jieqfu.

L-Inġinier Fredrick Azzopardi uffiċjal tal-aġenzija Infrastruttura Malta qal li l-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza tat-traffiku li jgħaddi minn din iż-żona kemm biex imur lejn in-naħa ta’ isfel jew in-naħa ta’ fuq tal-pajjiz.

Spjega li dan se jsir billi jkun hemm tliet korsiji fuq kull naħa. Il-proġett jinkludi wkoll bankini ġodda u faċilitajiet pedonali mal-ġnubijiet tat-triq.

 

 

It-tieni u t-tielet fażi tal-proġett li fost oħrajn tinkludi l-bini mill-ġdid u ċ-ċaqliq tas-central strip, mistennija jkunu lesti sa April tas-sena dieħla. Madankollu, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li jekk ix-xogħol jibqa’ miexi b’dan ir-ritmu mgħaġġel, is-sewwieqa se jkunu jistgħu jibdew jużaw is-sitt korsiji tal-bypass sal-aħħar ta’ din is-sena.

Meta żar ix-xogħlijiet tal-Marsa Ħamrun Bypass, il-Ministru Ian Borg tkellem dwar proġetti infrastrutturali oħra li għaddejjien fil-pajjiz.

Fosthom il-proġett fiċ-ċentru ta’ Malta maghruf bħala s-Central link project. Il-Ministru Borg qal li l-pjanti ta’ dan il-proġett ġew riveduti, fejn ser jitnaqqsu l-karreġġjati, se tintuża inqas art agrikola u ser jiżdiedu l-karreġġjati għar-roti.

 

Il-Gvern sema lil kulħadd. Lil dawk favur u dawk kontra. Se jkollna iktar siġar, korsiji ġodda li se jgħinu lil 30,000 vettura li jgħaddu minn hemm.

Il-pjanti aġġornati tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar wara sensiela ta’ laqgħat ta’ diskussjoni ma’ individwi, għaqdiet u entitajiet interessati f’dan il-proġett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend