Ħebb għall-ġar tiegħu wara tilwima fuq parkeġġ f'Ħaż-Żebbuġ | One News

Notifiki

Ħebb għall-ġar tiegħu wara tilwima fuq parkeġġ f’Ħaż-Żebbuġ

Mario Zaffarese ta’ tlieta u ħamsin sena ħebb għall-ġar tiegħu John Tanti ta’ sittin sena wara tilwima fuq parkeġġ f’Ħaż Żebbuġ.

Dan wara li Tanti hedded lil bint Zaffarese kien se jċartilha t-tyres tal-karozza tagħha għaliexx ipparkjata faċċata tad-dar tiegħu.

Fil-Qorti ntqal kif Tanti, li kien urtat bil-fatt li uliedu ma jsibux jipparkjaw wara li jlestu mix-xogħol, hedded lil bint Zaffarese biex twarrablu.

Kien hawn li Zaffarese mar għal Tanti, u fl-argument, dan tal-aħħar spiċċa l-Isptar Mater Dei u kien operat.

Kien spjegat li Zaffarese ipponta arma mingħajr munizzjoni u mhux liċenzjata lejn il-ġar tiegħu, filwaqt li iben Tanti ħareġ b’ħadida biex ibeżża lill-istess Zaffarese.

Waqt is-smigħ tax-xhieda, pulizija li nzerta jgħix fil-viċin sema l-għajjat, u kif sema l-kelma ‘nisparalek’, mar mill-ewwel fuq il-post, fejn ħa l-arma minn idejn Zaffarese.

Dan tal-aħħar instab ħati u ngħata sentejn ħabs sospiżi għal erba snin u multa ta’ mitejn u tmienja u erbgħin ewro, filwaqt li jsegwi programm fuq il-kontroll tar-rabja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend