Ħatra ta’ 19-il supretendent fi ħdan il-Korp tal-Pulizija – One News

Notifiki

Ħatra ta’ 19-il supretendent fi ħdan il-Korp tal-Pulizija

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppreżenta l-ittra tal-ħatra lil 19-il supretendent f’ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Ħamsa minn dawn is-supretendenti huma nisa.

Il-Ministru qal li din il-kariga ġġib magħha iktar responsabbiltà u jridu jerfgħu fuq spallejhom l-obbligu ta’ koordinament mas-superjuri tagħhom u ma’ dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Faħħar il-kisbiet u x-xogħol kontinwu tal-membri tal-Korp li jżommu pajjiżna aktar sigur u qal li dawn ir-responsabbiltajiet ġodda jġibu magħhom iżjed xogħol, għalhekk kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed biex flimkien inwettqu l-bidla meħtieġa b’riżq is-soċjetà. Il-Ministru qal li se jkun spalla ma’ spalla mal-Kummisarju u mas-CEO biex inkomplu nassiguraw livell għoli ta’ sigurtà f’pajjiżna.

Il-Ministru qal li jistenna minn kull wieħed mis-supretendenti – dawk preżenti u dawk ġodda – li jmorru l-extra mile u jieħdu inizjattiva u mhux jistennew biss li jiġu l-ordnijiet.

Il-Ministru Farrugia kkonkluda billi awguralhom fil-kariga l-ġdida tagħhom u rringrazzja lill-membri kollha tal-Korp għas-servizz tagħhom kif ukoll lill-familjari tagħhom għas-sagrifiċċji li jagħmlu u għas-support li jagħtuhom.

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li l-ħatriet saru skont ir-ristrutturar tal-Korp. Saħaq li l-Korp għandu jaħdem bħala team u li hu jagħtihom l-appoġġ kollu tiegħu. Elenka wkoll l-importanza li ġġib din il-kariga u awguralhom f’din il-ħatra.

Wara l-ħatra l-Korp tal-Pulizija se jkollu 30 supretendent li se jservu fid-distretti, fl-iskwadri investigattivi u anke fis-sezzjoni amministrattiva u fis-support loġistiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend