Ġonna Howard se jiġu ttrasformati f'sit għall-kampeġġ għal Utopian Nights  | One News

Notifiki

Ġonna Howard se jiġu ttrasformati f’sit għall-kampeġġ għal Utopian Nights 

Il-Ġonna Howard fl-Imdina se jiġu ttrasformati f’sit għall-kampeġġ għalUtopian Nights: Inside the Border bejn it-30 ta’ Lulju u l-5 ta’ Awwissu 2018.

Dan l-avveniment mifrux fuq ġimgħa jistieden lill-membri tal-pubbliku biex jinvolvu ruħhom fl-arti b’modi uniċi u kreattivi waqt li jqattgħu lejl, jew aktar, fil-kampijiet tagħhom.

Utopian Nights: Inside the Border, li hu wieħed mill-avvenimenti fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018, jistieden artisti, ħassieba u membri tal-pubbliku biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet, rakkuntar tal-istejjer, fotografija, poeżija, mużika, wirjiet ta’ films fl-apert permezz ta’ ċinema mobbli li taħdem kompletament bl-enerġija solari, u rappreżentazzjonijiet oriġinali, fost attivitajiet uniċi oħra.

Is-sessjonijiet kollha se jinkludu dibattitu miftuħ flimkien ma’ esperti kif ukoll stedina għar-rispons tal-pubbliku, segwiti mill-opportunità biex titkompla d-diskussjoni waqt avveniment soċjali aktar tard matul il-lejl.

‘Inside the Border’ hija l-ewwel avveniment fis-serje Utopian Nights; serje ta’ avvenimenti pubbliċi maqsuma f’żewġ partijiet li tipprovdi pjattaforma għad-diskussjoni dwar kwistjonijiet soċjali importanti relatati mal-eżilju u l-kunflitt, u għall-ħsieb dwar erba’ temi kontemporanji: l-ispostament, il-fruntieri, il-ħajja f’kamp u l-komuni globali.

Il-katalist tas-serje hu l-kunċett ta’ Utopja, li huwa mifhum bħala spazju demokratiku – pjattaforma għad-diskussjoni u proġett parteċipattiv fejn kulħadd jista’ jiddibatti, jikkontesta u jiġi sfidat bl-istess mod.

Dan l-avveniment huwa bla ħlas u hu miftuħ għal kulħadd.

Għal aktar informazzjoni u biex taċċessa l-programm sħiħ ta’ attivitajiet żurvalletta2018.org u segwi l-paġna ta’ ‘Utopian Nights’ fuq Facebook.

‘Utopian Nights: Inside the Border’ hu maħluq minn Elise Billiard u organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, Elise Billiard, Sarah Farrugia, Sarah Mallia u Andrea Pullicino, bil-parteċipazzjoni ta’ Kinzénguélé, Alberto Favaro, Jeremy Mangion, Florinda Camilleri u Corps Citoyen.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend