ARA: Jiżdiedu żewġ karreġġjati oħra fil-Marsa-Ħamrun Bypass | One News

Notifiki

ARA: Jiżdiedu żewġ karreġġjati oħra fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-Marsa-Ħamrun Bypass sabiex jagħti aġġornament, hekk kif l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ta’ €5 miljun waslet viċin it-tmiem.

Il-Ministru Borg iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed importanti, hekk kif se jkun qiegħed itaffi wieħed mill-aktar bottlenecks magħrufin għall-konġestjoni f’pajjiżna – proġett għat-titjib ta’ din it-triq arterjali li tgħaqqad iċ-ċentru ta’ Malta man-Nofsinhar u li hija parti mit-Ten-T Network. Huwa spjega kif l-ewwel fażi, li ngħatat bidu f’Marzu, se tkun qiegħda tintemm f’dawn il-ġranet li fihom se jkun qed jingħata wiċċ ġdid lill-korsiji l-ġodda li saru, u li se jkunu qegħdin iwessgħu il-bypass għal tliet korsiji f’kull direzzjoni.

Borg qal li frott ta’ dan il-proġett se titjieb l-effiċjenza fit-traffiku kif ukoll is-sigurtà, u saħaq li parti minn din is-sigurtà miżjuda tinkludi l-bini ta’ 1.7 kilometri ta’ bankini ġodda u faċilitajiet pedonali mal-ġnubijiet ta’ din it-triq.

Fil-qosor, huwa spjega li fix-xhur li ġejjin, waqt it-tieni u l-aħħar fażi, iż-żewġ korsiji tal-ewwel fażi se jkunu qegħdin temporanjament jieħdu post il-karreġġjata ’l isfel eżistenti ta’ din it-triq, sabiex din tiġi mibnija mill-ġdid u mtejba, u spjega wkoll kif waħda minn dawn il-korsiji l-ġodda se tkun qed telimina l-bottleneck eżistenti fil-ħruġ mill-mini ta’ Santa Venera, filwaqt li fid-direzzjoni ’l fuq, it-tielet korsija se tiffaċilita konnessjoni aktar sigura hekk kif mhux se jkun hemm bżonn li wieħed jaqleb korsija għal aċċess għall-islip road tal-bypass tal-Imrieħel.

Il-Ministru informa lil dawk preżenti li t-tieni fażi se tinkludi l-bini mill-ġdid u ċ-ċaqliq tas-central strip tat-triq u t-titjib ta’ numru ta’ ħoloq matul il-karreġġjata ’l fuq sabiex jiġu mtejba l-konnessjonijiet ma’ Triq Diċembru 13, il-bypass tal-Imrieħel u l-mini ta’ Santa Venera f’din id-direzzjoni. Il-proġett mistenni jitlesta f’April 2019, iżda l-Ministru ħabbar li għaddejja ħidma sabiex is-sitt korsiji tal-bypass jinfetħu għall-utenti ta’ din it-triq sal-aħħar ta’ din is-sena.

Min-naħa tiegħu, l-Inġinier Fredrick Azzopardi spjega x-xogħol tekniku li sar f’din l-ewwel fażi tal-proġett li waslet biex tingħalaq. Fir-rigward tas-servizzi, huwa qal li bħala parti minn din il-fażi, saru 370 metru ta’ sistemi ġodda għall-ġbir tal-ilma tax-xita, kif ukoll sewage pipeline crossing u walk-through culvert ta’ 350 metru. Huwa spjega kif saru 500 metru ta’ trinek għan­-networks tal-elettriku, b’madwar 8 kilometri ta’ high-voltage cables impoġġija f’dawn il-culverts u t-trinek. Ix-xogħol inkluda wkoll il-bini tal-pedamenti tat-triq u l-bini ta’ retaining wall ta’ 350 metru fit-tarf tal-korsiji l-ġodda, apparti l-faċilitajiet pedonali msemmija aktar ’il fuq. L-Inġinier qal ukoll li fl-aħħar ġimgħat saru trinek f’toroq viċin bħall-islip road mill-bypass lejn Ħal Qormi sabiex dawn is-servizzi jingħaqdu ma’ networks eżistenti fl-inħawi.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg qal li l-benefiċċji ta’ dan il-proġett se jkomplu jikbru u jiġu enfasizzati hekk kif sar investiment ieħor ta’ €2.5 miljun f’partijiet minn Triq Aldo Moro, Triq Diċembru 13 u dan l-istess bypass favur aktar effiċjenza u sigurtà u konnessjonijiet aħjar. B’hekk, spjega l-Ministru, din ir-rotta miċ-ċentru sal-qofol tagħha fil-Marsa, fejn bħalissa għaddej il-Marsa Junction Project b’investiment ta’ €70 miljun, se tkun kompluta mingħajr ma jkun hemm xkiel jew bottlenecks fin-nofs, u l-upgrade ikun sar b’mod komplut. Huwa fakkar ukoll li bħalissa għaddejja wkoll l-evalwazzjoni tal-offerti għall-bini tal-mini ta’ taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, li se jkomplu jestendu l-upgrade ta’ din ir-rotta lejn in-Nofsinhar ta’ Malta u żżid l-effiċjenza tal-proġetti li għaddejjin bħalissa f’dawn l-inħawi.

“Rotta waħda importanti – tlaqna mill-Coast Road, għamilna l-Kappara Junction, illum qed nagħmlu Marsa-Ħamrun Bypass li minn naħa waħda jgħaqqad ma’ Triq Diċembru 13, il-Marsa Junction u l-mini ta’ Santa Luċija, filwaqt li min-naħa l-oħra ngħaqqdu din il-bypass mas-Central Link Project biex b’hekk inkunu tejjibna bosta rotot prinċipali,” qal Borg. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-mod kif ix-xogħol qiegħed isir; b’evalwazzjoni kontinwa tal-proġetti favur titjib kontinwu u l-għaqda tal-proġetti kollha f’għan finali wieħed – aktar serenità għall-utenti tat-toroq tagħna, kemm fir-rigward tal-ħin tat-traġitt kif ukoll fejn tidħol is-sigurtà. Huwa żied jgħid li dan huwa parti minn pjan estensiv sabiex jitjieb in-network tat-toroq ta’ pajjiżna; pjan magħmul minn interventi varji b’għanijiet varji u bil-mira li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Il-Ministru qal li tajjeb naraw ukoll l-importanza ta’ investimenti iżgħar bħat-titjib li qiegħed isir fi Triq Ħal Luqa u Vjal l-Avjazzjoni u interventi oħra f’ħoloq magħrufin għall-konġestjoni, għax dawn ukoll qegħdin isiru għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

“Impejnat li nkompli miexi f’din it-triq, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru, kif ukoll bil-motivazzjoni li l-poplu qiegħed itini grazzi għall-apprezzament li qed juri fil-konfront tad-diversi proġetti li qed inwettqu,” għalaq il-Ministru Borg.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend