Mhux ġurnalimu serju | One News

Notifiki

Mhux ġurnalimu serju

X’imisshom għamlu u ma għamlux DCG u Pierre Portelli.

Daphne Caruana Galizia titqies, issa anke internazzjonalment, bħala ġurnalista investigattiva mill-aqwa.  Pierre Portelli ukoll huwa meqjus, tal-inqas min-Nazzjonalisti, bħala ġurnalista tajjeb, tant li għażluh biex imexxi l-media tagħhom.  Tajjeb għalhekk nanalizzaw kif dawn it-tnejn daħlu fl-attentat ta’ frame-up fil-konfont tal-Prim Ministru Joseph Muscat u familtu, billi ma għamlux dak li jmisshom għamlu bħala ġurnalisti.

 

L-ewwel u qabel kollox imisshom iċċekkjaw min hi Maria Efimova, biex insejħulha hekk, il-whistleblower Russa.

 

Kieku għamlu dan, kien jsiru jafu li fil-konfront tagħha,  fil-Qorti kien hemm akkuża li vvintat storja dwar uffiċjali tal-Pulizija.  M’għandhix dubju li kuntatti mal-Pulizija kellhom.  Kieku għamlu dan, bħala ġurnalisti, kien mill-ewwel jidħollhom id-dubju jekk għandhomx jafdawha jew le. U bħala ġurnalisti ‘serji’, kienu jaslu għall-konklużjoni li le ma kellhomx jafdawha.  Jew li tal-anqas kellhom jagħmlu aktar stħarriġ dwarha.

 

Dan jidher ċar li ma għamluhx.  Qagħdu fuq li qaltilhom hi.  Il-gidba fabbrikata tagħha, għamluha tagħhom. Ovvjament, la ddeċidew li jagħmluha tagħhom, ma nvestigaw xejn iżjed.  Lanqas biss indenjaw ruħhom jiċċekkjaw jekk id-dokumenti li tathom jew uriethom, kinux dokumenti genwini jew le.

 

Kulma kellhom jagħmlu kien li jitolbu lil Maria Efimova fejn setgħu jikkuntattjaw lil Jaquiline Alexander, il-’firmatriċi’ tad-dokumenti.  Kieku għamlu dan, Jacquiline Alexander kienet tgħidilhom ċar u tond li l-firma fuq id-dokumenti, ma kinitx tagħha.  Kienet waħda falsifkata.  Kif qalet Jacquiline Alexander innifisha bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

 

Għaliex ma għamlu xejn minn dan?

 

Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija, irridu niftakru li konna bil-mod il-mod, resqin lejn elezzjoni ġenerali.  L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kienu juru ċar li l-Partit Nazzjonalista kien destinat għal telfa akbar minn dik tal-2013.  Bdew ifittxu mod kif idawwru r-rotta.  U  ħasbu li Maria Efimova ipprovdiethom bix-xoqqa f’moxtha.  Tant li Simon Busuttil, dak iż-żmien kap tal-Partit Nazzjonalista, mill-ewwel ħataf l-okkażjoni u sejjaħ in-nies fit-toroq.

 

Fi ftit kliem, ma kinux interessati, fil-verità. Ġew jaqgħu u jqumu mill-verità.  Ġew jaqgħu u jqumu mill-ħsara lill-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.  Ġew jaqgħu u jqumu mill-ħsara lil pajjiżna.

 

Dan mhux ġurnalizmu serju.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Send this to a friend