L-Erbgħa filgħaxija, Infrastructure Malta ser tibda xogħol ta’ kisi mill-ġdid ta’ parti minn Triq tal-Barrani, fl-inħawi ta’ Bir id-Deheb, iż-Żejtun.
Permezz ta’ din il-ħidma, fl-iljieli li ġejjin, l-aġenzija ser tkun qed tibdel il-wiċċ tat-triq bejn il-kisra għal Vjal il-25 ta’ Novembru (li tagħti għaż-Żejtun) u r-roundabout ta’ Bir id-Deheb. Ix-xogħol jinkludi t-tqaxxir tal-wiċċ eżistenti tat-triq sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu diversi saffi ġodda ta’ asfalt.
Din il-ħidma ser issir bil-lejl sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet għal dawk li jgħaddu, jaħdmu jew jgħixu fl-inħawi. Mill-Erbgħa filgħaxija u fl-iljieli ta’ wara, din il-parti tat-triq ser tingħalaq miż-żewġ naħat bejn it-tmienja ta’ filgħaxija (20:00) u s-sitta tal-għada filgħodu (06:00). B’hekk ix-xogħol ikun jista’ jsir b’inqas periklu għall-ħaddiema. Uffiċjali tal-immaniġġjar tat-traffiku ser ikunu fl-inħawi sabiex jiggwidaw lill-pubbliku lejn rotot alternattivi.
It-Triq tal-Barrani ser tkun miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet matul il-jum, kuljum, mis-sitta’ ta’ filgħodu (06:00). Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi għandhom isegwu d-direzzjonijiet temporanji, fosthom limiti ta’ veloċità mnaqqsa, li qed jiġu murija b’tabelli mal-ġnub tat-triq.
Ftit tal-ġimgħat ilu, waħda mill-kisriet ewlenin ta’ Triq tal-Barrani, li tgħaqqadha ma’ Triq Ħal Tarxien lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq, inbniet b’disinn ġdid permezz ta’ proġett ieħor. Din il-kisra kkontrollata bis-sinjali tad-dwal tat-traffiku ġiet imtejba billi sar tibdil f’żewġ korsiji mal-ġenb tat-triq, li bihom il-vetturi jkunu jistgħu jduru minn u lejn Triq Ħal Tarxien b’inqas diffikultà. Fl-istess waqt, dan it-titjib wassal ukol għal aktar ħeffa fl-ivjaġġar fi Triq tal-Barrani.
Infrastructure Malta qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti oħra sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità, sigurtà u effiċjenza ta’ din ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.