Kontenituri f'supermarkets biex jinxtara ikel għal dawk l-aktar fil-bżonn | One News

Notifiki

Kontenituri f’supermarkets biex jinxtara ikel għal dawk l-aktar fil-bżonn

Sittax-il kaxxa se jitqassmu fi tnax-il supermarket madwar il-pajjiż li ngħaqdu fl-inizjattiva “National Food Drive”. Inizjattiva li ttieħdet mill-kumpanija Green Skip Services fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tagħha, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

Mary Gaerty, id-direttur tal-kumpanija, innotat li diġà hawn għaqdiet mhux governattivi li jiġbru l-ikel mis-supermarkets għal familji vulnerabbli, issa ħasset li xi ħaġa bħal din għandha tinfirex fuq skala nazzjonali. “Se jkun hemm l-NGOs li se jkollhom il-kaxxa tagħhom f’supermarket speċifiku.

Huma se jieħdu ħsieb dak il-kontenitur li jappartjenti lilhom. Wara se nġibu iżjed kaxxi li se jinfirxu mas-supermarkets kollha u dawn ikunu taħt il-Fondazzjoni tal-President.”

Aktar minn mitt għaqda mhux governattiva li jaħdmu mill-qrib ma’ familji vulnerabbli qed jikkolaboraw fin-National Food Drive, u se tkun il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund li tieħu ħsieb it-tqassim tal-ikel. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li b’din l-inizjattiva, Malta qed tingħaqad mal-kumplament tad-dinja biex tindirizza l-miri tal-iżvilupp sostenibbli.

Tenniet li l-ikel huwa dritt uman li għandu jitgawda minn kulħadd u għaldaqstant ingħaqdet ma’ Green Skip Services fl-appell biex kull min imur jagħmel xirja, jixtri dik ix-xi ħaġa żejda għal min hu fil-bżonn u qabel jitlaq ipoġġiha fil-kontenitur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend