Iż-żejjed kollu żejjed – One News

Iż-żejjed kollu żejjed

Jien bdejt il-karriera tiegħi fil-ġurnalizmu 50 sena ilu.  Kien hemm każijiet ta’ omiċidju li qatt ma ssolvew. Mhux wieħed jew tnejn. Mhux il-każ li noqgħod insemmihom wieħed, wieħed.  Biżżejjed insemmi l-każ tal-qtil b’ittra bomba ta’ Karin Grech.  U għaliex qiegħed insemmi dan il-każ?  Qed insemmih għax l-ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Eddie Fenech Adami, kien wegħdna li meta jkun Prim Ministru, il-każ kien se jkun solvut. Kif kien wegħdna wkoll li se jkun solvut il-qtil ta’ Raymond Caruana. Eddie Fenech Adami dam Prim Ministru snin twal mhux ħażin.  U ż-żewg każijiet qatt ma kienu solvuti.

 

Kienu żewġ każijiet li kellhom rabta politika.  L-ittra li qatlet li Karin Grech, kienet indirizzata lill-missierha, Edwin, li kien ġie lura f’pajjiżna waqt l-istrajk tat-tobba fi żmien il-Gvern Laburista. Raymond Caruana inqatel waqt attività fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja.

 

Kien hemm kummenti dwar il-mod kif kienu qeghdin jitmexxew l-investigazzjonijiet min-naħa tal-pulizija.  Imma ma jidhirlix li kien hemm qlajjiet.  Aktar u aktar mill-familjari. Jiġifieri mill-familjari ta’ Karin Grech u Raymond Caruana. Anzi, tal-inqas sa fejn naf jien, fiż-żewġ każijiet, il-familjari, ikkoperaw kemm setgħu mal-pulizija.

 

Mhux l-istess jista’ jingħad dwar il-qtil brutali,  ikkundannat minn kulħadd, tal-blogger Daphne Caruana Galizia li ħadd ma jista’ jgħid li hemm xi rabta politika.

 

Fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, skont binha Mathew, il-laptop, li seta’ jagħti ħjiel dwar il-mandant, ‘sparixxa’.  Fil-verità, irriżulta li kien fil-pussess ta’ oħtha.  Se ngħidha ċara u tonda.  Jien naqbel ma’ dak li jingħad fit-toroq.  Ma nemminx li Matthew ma kienx jaf li l-laptop kien fil-pussess ta’ zitu. Ma nemminx li Matthew ma kienx jaf li l-laptop kien fil-pussess ta’ oħt ommu.

 

Agħar minn hekk, Mathew Caruana Galizia issa qed jivvinta dwar l-istħarrig tal-pulizija.  Gideb meta qal li kien hemm uffiċjali tal-pulizija li ma telgħux jixhdu – SKONT HU – BI SKOP. Il-gideb u l-invenzjonijiet żgur li ma jgħinux lill-pulizija u, ngħid jien, lill-ġudikatura.

 

Il-Malti jgħid: Iż-żejjed kollu żejjed

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *