BIL-FTEHIM: Ftehim biex tinħoloq banda nazzjonali taż-żgħażagħ – One News

BIL-FTEHIM: Ftehim biex tinħoloq banda nazzjonali taż-żgħażagħ

Ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda se jara li tinħoloq Banda Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Fil-binja tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Aġenzija Żgħazagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda li se jara lill-Aġenzija tkompli tamministra l-iskema dwar it-tagħlim mużikali taż-żgħażagħ fil-każini tal-banda.

Dan filwaqt li tagħti erbgħa u għoxrin elf ewro f’fondi lill-Għaqda Każini tal-Banda sabiex tiġi żviluppata l-Banda Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Din l-iskema ilha titħaddem sitt snin u l-għan ewlieni wara din l-iskema huwa li tipprovdi għajnuna finanzjarja lil għaqdiet mużikali biex joħorġu b’inizjattivi u proposti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex jitgħallmu jdoqqu strument mużikali jew biex itejbu s-servizzi ta’ tagħlim li diġà jkunu qed jipprovdu.

Intant qabel l-iffirmar ġie spjegat kif il-Banda Nazzjonali taż-Żgħażagħ se tkun magħmula minn żgħażagħ ta’ bejn it-tlettax u t-tletin sena u se tinkludi mużiċisti minn bosta baned li qed jipparteċipaw f’din l-iskema.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima saħaq li l-iskop ewlieni ta’ din il-banda huwa li tipprovdi pjattaforma ħalli tassisti liż-żgħażagħ isaħħu l-kapaċità mużikali tagħhom, irawmu l-potenzjal kreattiv fit-talent tagħhom filwaqt li nkomplu nippromovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan is-soċjetà.

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Noel Camilleri spjega kif il-proġett ta’ banda nazzjonali taż-żgħażagħ se jkun marbut ma’ taħriġ ta’ livell għoli għall-mużiċisti żgħażagħ.

“Dan il-proġett tal-Banda Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa propju mmirat għalhekk; biex nagħżlu ż-żgħażagħ, speċjalment dawk li jkunu jixtiequ jiffurmaw din il-banda nazzjonali taż-żgħażagħ u wkoll jingħataw tagħlim kemm minn surmastrijiet Maltin imma wkoll barranin.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *