BIL-FILMAT: Għad hawn nies li ma jridux jafu bih | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Għad hawn nies li ma jridux jafu bih

Stħarriġ ikkummissjonat mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni wera punti notevoli b’rabta mal-użu tat-telefon ċellulari.

Dan l-istudju wera żieda qawwija fl-abbonamenti għal servizzi bil-kuntratt iżda minkejja dan, dawk fuq servizz magħruf bħala pre-paid għadhom fil-maġġoranza. Filfatt 35% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li għandhom servizz tal-mobile post-paid.

Dan ifisser li fuq l-istħarriġ li sar 3 snin ilu ġiet irreġistrata żieda ta’ 13-il punt perċentwali. 65% wieġbu li għandhom servizz tal-mobile li għalih jħallsu qabel permezz ta’ dawk imsejħa top-up cards.

F’dan il-kuntest ħareġ ukoll li abbonati li jħallsu qabel huma iktar infurmati fuq in-nefqa minn abbonati li jħallsu wara. Kważi n-nofs ta’ dawk li wieġbu li għandhom servizz ta’ kuntratt qalu li jħallsu iktar minn għoxrin ewro kull xahar.

Interessanti wkoll li l-maġġoranza assoluta hija kuntenta bis-servizz provdut mill-kumpaniji tat-tele-komunikazzjoni. 91% tal-parteċipanti fl-istħarriġ wieġbu li huma sodisfatti filwaqt li 2% biss m’humiex sodisfatti.

L-istħarriġ wera wkoll li kull ma jmur qed tiżdied il-popolarità fl-użu ta’ ‘smartphones.’ 66% ta’ dawk li għandhom servizz tal-mobile, qalu li jużaw smartphone.

Minkejja dan, madwar nofs il-parteċipanti li għandhom mobile bażiku qalu li ma jħossux il-ħtieġa li jaqilbu għal smartphone.

U b’rabta mal-ismartphones, ftit aktar min-nofs jużaw id-‘data’ fuq il-mobile tagħhom, bil-maġġoranza tagħhom jużaw dan is-servizz kuljum. Madwar nofs il-parteċipanti li jużaw id-‘data’ fuq il-mobile tagħhom jgħidu li jagħmlu dan anki jekk jaċċessaw żoni ta’ Wi-Fi bla ħlas. L-istħarriġ ħaseb ukoll li jistaqsi dwar applikazzjonijiet li jintużaw bħala mezz ta’ komunikazzjoni bħal ‘messenger’ u ‘what’s app.’ Nofs il-parteċipanti li għandhom abbonament tal-mobile, iqisu dawn il-mezzi bħala sostitut għas-servizz tradizzjonali tal-SMS.

Intant xorta l-istħarriġ juri wkoll li 3% ta’ dawk li wieġbu ma jħossux li għandhom bżonn mobile.

Dawn li jew jixtiequ jibqgħu maqtugħin mid-dinja jew għal xi wħud jgħixu ħajja serena mingħajr mobile, fil-maġġor parti tagħhom għandhom ‘il fuq minn 65 sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend