AĠĠORNAT: Il-Partit Laburista u l-GWU jsellmu il-memorja ta' Anton F. Attard | One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Il-Partit Laburista u l-GWU jsellmu il-memorja ta’ Anton F. Attard

Tħabbret il-mewt tal-istoriku Għawdxi Anton F. Attard fl-età ta’ 75 sena. Attard hu mir-Rabat Għawdex u twieled fl-14 ta’ Frar tal-1943 fejn studja u sar għalliem. Hu nħatar Segretarju tal-Awtorità tad-Djar fl-1977 fejn aktar tard inħatar ukoll f’sezzjoni tal-Ħaddiema Pubbliċi fil-GWU. Minn hemm hu ħa f’idu s-Segretarjat għall-Affarijiet t’Għawdex.

Attard hu magħruf sew għal xogħol ieħor li wettaq matul ħajtu, fosthom bosta kitbiet u riċerki. Hu kien magħruf ukoll bħala traduttur, folklorist u kif ukoll poeta. Il-Ministru għal Għawdex ddeskriva lil Attard bħala pilastru fil-qasam kulturali.

Intant il-Prim Ministru spjega kif Għawdex tilfet pijunier fl-istorja u fir-riċerka. Muscat ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Anton F. Attard.

 

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sellem il-memorja tal-istorku Għawdxi, u ddeskrivih bħala riċekatur u kittieb b’imħabba partikolari għal Għawdex u persuna b’sens ta’ lealtà lejn pajjiżu tant li serva għal għexieren ta’ snin b’mod mill-aqwa fis-servizz pubbliku.

F’dan il-perjodu ħadem ukoll fil-qasam tredjunjonistiku.

Żgur li Anton F. Attard se jibqa’ mfakkar bil-kitbiet tiegħu, li ma kinux ftit, u li kienu jvarjaw minn poeżiji għal artikli riċerkati f’ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra, stqarr il-Partit Laburista.

Attard kien ukoll attivist u eks-uffiċjal mal-General Workers’ Union, li ukoll wriet sogħba kbira għat-telfa tiegħu. Il-GWU sellmet il-memorja tiegħu u fakkret il-kontribut li ta mhux biss bħala Segretarju tat-Taqsima Servizz Pubbliku lura lejn l-1983, iżda wkoll għall-kontribut li ta fil-pubblikazzjonijiet tagħha IT-TORĊA u L-ORIZZONT. Il-Union tibqa’ tfakkru għar-rieda li kellu biex itejjeb il-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku u għall-impenn biex dan l-istess servizz ikun ta’ livell għaċ-ċittadini li jagħmlu użu minnu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend