Għada tiġi inawgurata l-Pjazza ta' Raħal Ġdid | One News

Notifiki

Għada tiġi inawgurata l-Pjazza ta’ Raħal Ġdid

 

Tul il-jum tal-Ħamis, saru l-aħħar irtokki fuq il-pjazza Antoine de Paul f’Raħal Ġdid, sabiex il-Ġimgħa għoxrin ta’ Lulju tiġi inawgurata uffiċjalment mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-pjazza, wiesa’ ħdax-il elf u ħames mitt metru kwadru, se jkollha fiha mija u sitta u tletin spazju fejn wieħed ipoġġi – mifruxa fuq tliet forom ta’ bankijiet.

F’dan il-proġett ingħatat attenzjoni partikolari lis-siġar li kien hemm qabel, li fuq parir ta’ ambjentalisti nqalgħu u twaħħlu madwar il-parkeġġ taċ-ċimiterju.

Fil-pjazza l-ġdida se jkun hemm ’il fuq minn ħamsin siġra ta’ ħames speċi differenti, flimkien ma’ pjanti żgħar.

Bl-aħħar xogħol isir fl-isfond, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis spjega l-irwol bla preċedent tal-erbgħin ħaddiem tul dawn l-aħħar xhur.

Is-Segretarju Parlamentari innota b’sodisfazzjon kif diġà hemm konkorrenza tajba għal dan il-proġett, kemm mill-pubbliku inġenerali kif ukoll mill-privat li qed jinvesti u jiftaħ il-ħwienet.

Dan għaliex filwaqt li dan il-proġett se jsaħħaħ l-aspett ambjentali, mistenni jtejjeb ukoll l-esperjenza tal-konsumatur li jmur jixtri minn dan iċ-ċentru kummerċjali.

Ix-xogħol ma jieqafx hawn, hekk kif mill-ġimgħa d-dieħla, il-ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il-proġett se jimbarkaw fuq xogħol fi Ġnien il-Mediterran, li mifrux fuq tletin tomna ta’ art ukoll se jagħti nifs ġdid lin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend