Aktar trasparenza fl-għaqdiet volontarji | One News

Notifiki

Aktar trasparenza fl-għaqdiet volontarji

L-emendi fl-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji ser jirregolarizzaw lill-għaqdiet volontarji u fl-istess waqt ser joffru aktar serħan il-moħħ lil dawk kollha li jagħtuhom id-donazzjonijiet.

Ma’ ONE NEWS, Mauro Pace Parascandalo li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-volontarjat spjega kif permezz ta’ dawn it-tibdiliet fil-liġi, ser ikun hemm aktar trasparenza fl-għaqdiet fil-qasam ta’ amministrazzjoni ta’ fondi u fl-istess waqt ser jgħinu sabiex is-settur tal-volontarjat ikompli jikber b’mod xieraq:

L-iskop ta’ din il-liġi li naraw li kull min qed jaħdem b’mod voluntier u jamministra fondi minghand in-nies qed jaħdem b’mod sew.  Huwa settur li dejjem qed jikber- importanti li nikkreaw dawn l-istrutturi sabiex nikbru b’mod san u korrett. 

Preżentament, hawn aktar minn 1,400 għaqda volontarja reġistrata mal-Kunsill madankollu, dan in-numru mistenni li jiżdied sew; dan hekk kif l-emendi fil-liġi ser ikunu qegħdin jobbligaw lill-għaqdiet volontarji kollha minn kwalunkwe qasam sabiex jirreġistraw.

Dawn l-emendi ser jagħtu d-dritt lill-benefatturi sabiex jistaqsu għan-numru tar-reġistrazzjoni tal-għaqda qabel ma jagħtu donazzjoni.  B’hekk kull persuna li tagħti donazzjoni tista’ sserraħ moħħha li l-għaqda  hija rreġistrata mal-Kunsill u għalhekk il-flus se jmorru tabilħaqq għall-iskop li għalihom inġabru.  F’każ li individwu jkollu suspett li għaqda mhix taħdem kif suppost, jista’ jgħarraf b’dan lill-awtoritajiet konċernati.

Is-Sur Pace Parascandolo spjega kif permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi, ser jgawdu kemm il-benefatturi kif ukoll dawk li qegħdin jaħdmu b’għan filantropiku:

Jirbaħ kulhadd b’din il-liġi illi kemm is settur tal-volontarjat jissaħħaħ fl-operat tiegħu u n-nies isserraħ rasha meta tgħin f’dan is-settur. 

L-għaqdiet volontarji reġistrati mal-Kunsill, jinklud mat- 300 għaqda sportiva, aktar minn 130 każini tal-banda, kif ukoll għaqdiet li jinvolvu l-arti, l-kultura, l-ambjent, drittijiet tal-annimali kif ukoll grupp volontarji fil-qasam tas-saħħa u d-diżabilita.

Sabiex dawn l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b’ħidmiethom, apparti l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, ikun hemm drabi fejn japplikaw għall-fondi ewropej kif ukoll għall-fondi lokali. B’dawn tal-aħħar, il-kunsill jamministra l-Iskema tal-Proġetti għall-Organizazzjonijiet Volontarji fejn ta’ kull sena, jitqassmu mas-€700,000 bejn l-għaqdiet li jintgħażlu sabiex iwettqu proġetti partikolari li minnhom tibbenefika l-komunità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend