Rakkont mużikali dwar is-sorijiet ta' Marija Madalena | One News

Notifiki

Rakkont mużikali dwar is-sorijiet ta’ Marija Madalena

Ispirat minn fatti li jmorru lura mal-mitejn sena, il-Ħanina Maddalena hu rakkont mużikali li jirrakkonta l-istorja tas-Sorijiet tal-Ordni ta’ Marija Maddalena.

Ibbażat fis-seklu tmintax, dan il-musical miktub minn Simon Bartolo u Loranne Vella b’mużika ta’ Domnic Galea, jittratta tliet nisa makakki li kienu jilgħabuha tal-innoċenti u ngħaqdu mal-Monasteru ta’ Santa Marija Maddalena.

Illum din l-ordni m’għadhiex preżenti f’pajjiżna u baqa’ biss tifkiriet tagħha f’kappella ċkejkna fi Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta.

Ftit jiem biss qabel l-ewwel serata, ONE News kellu l-opportunità li jżur il-preparamenti fit-Teatru Rjal fejn segwa mill-qrib it-tħejjija tal-kostumi tal-epoka tal-Kavallieri u tax-xeneġġjatura li qed tinħadem għal fuq il-palk.

Josette Ciappara, id-Direttriċi ta’ dan il-musical qalet li dawk li jattendi għal dan ir-rakkont mużikali se jara fost l-aqwa talent mużikali f’Malta.

Qalet li rrakkont imur lura fis-snin biex jirrakkonta l-ġrajjiet ta’ din l-Ordni u ta’ dak kollu li kien jiġri fit-toroq tal-Belt dak iż-żmien.

“Jiena nemmen li din hija xi ħaġa li tilħaq il-massimu tagħha f’dik li hija teatriċità għax tinkludi fiha kemm żfin, kemm kant u kemm reċtar u nemmen ukoll li meta warajha għandek il-kitba ta’ bniedem bħal Simon Bartolo, għandek il-mużika ta’ Dominic Galea. Nemmen li jekk hemm okkażjoni kbira li wieħed għandu jiċċelebra dan is-Sajf, għanda tkun il-Ħanina Madalena”

Fost l-aqwa talenti f’dan il-musical se jkun hemm il-kantanti Chiara, Amber, Dorothy Bezzina u Leontine li flimkien qed jaħdmu taħt it-tmexxija ta’ Josette Ciappara bi produzzjoni ta’ Sean Buhagiar.

Il-Ħanina Madalena jagħmel parti mill-Malta International Arts Festival u hu kkummisjonat minn Valletta 2018 u Festivals Malta. L-ewwel wirja se tkun fit-tmintax ta’ Lulju, b’iżjed wirjiet isegwu bejn l-għoxrin u d-disa u għoxrin tal-istess xagħar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend