Il-Pulizija twieġeb dwar tgħawwiġ tal-fatti minn Matthew Caruana Galizia | One News

Notifiki

Il-Pulizija twieġeb dwar tgħawwiġ tal-fatti minn Matthew Caruana Galizia

Il-Pulizija ċaħdet rapporti fil-midja li allegaw li diversi Pulizija ma telgħux jixhdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li permezz tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, it-Tlieta filgħodu kienet preżenti fl-awla u kompliet tippreżenta aktar evidenza fil-konfront tal-akkużati, u anke talbet lill-qorti sabiex taħtar iżjed esperti sabiex jagħmlu traduzzjonijiet tad-dokumenti li diġà ġew ippreżentati.

L-istqarrija ċaħdet ukoll allegazzjoni li saret fi tweet minn Matthew Caruana Galizia, li inċidentalment ma kienx preżenti fl-awla. Fi tweet huwa allega li tmien Pulizija ma telgħux jixhdu u li skont hu dan kien juri n-nuqqas ta’ interess tal-Gvern li jiġi solvut il-każ.

Fil-fatt allega li dan sar sabiex id-difiża terġa’ titlob għall-ħelsien mill-arrest.

 

For today’s court sitting, EIGHT @MaltaPolice officers and forensic experts were set to testify against #DaphneCaruanaGalizia‘s executors. NOT A SINGLE ONE of them turned up. The defence will now request bail again, claiming the state is not displaying an interest in the case.

— Matthew Caruana Galizia (@mcaruanagalizia) July 17, 2018

 

Fl-istqarrija tagħha l-Pulizija kkonfermat li x-xhieda li ma tellgħux jixhdu kienu esperti tal-Qorti u mhux uffiċjali tal-Pulizija. Ingħad li x-xhieda kkonfermaw li dawn ma setgħux jitilgħu jixhdu minħabba li għadhom qed iħejju r-rapporti tagħhom jew inkella nqabdu fuq xogħol ieħor tal-qorti.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati tinsab fi stadju avvanzat ħafna tant li diġà saru 14-il seduta u xehdu ‘l fuq minn 100 xhud li ttellgħu mill-Prosekuzzjoni.

ONE News jinsab infurmat li l-esperti tal-Qorti li kellhom jixhdu dalgħodu kienu Dr Mario Scerri, il-Patoloġista Marie Therese Camilleri, Dr Daniel Vella, Dr Mario Buttigieg u l-espert Keith Cutajar.

Fis-seduta tat-Tlieta filgħodu l-Ispettur Arnaud spjega li wħud mix-xhieda kienu għadhom qegħdin iħejju r-rapport tagħhom jew nqabdu fuq xogħol ieħor. Żied li wħud minnhom ser jixhdu l-Ħamis li ġej.

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll evidenza li tissostanzja l-akkużi ta’ reċedività li għandhom l-akkużati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend