BIL-FILMAT: 200 delegat minn madwar l-UE ospitati fin-Nadur – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: 200 delegat minn madwar l-UE ospitati fin-Nadur

Mitejn delegat minn għadd ta’ għaqdiet differenti madwar l-Unjoni Ewropea, se jiġu f’pajjiżna biex iqattgħu ħamest ijiem jgħixu fin-Nadur, Għawdex.

Dan wara li n-Nadur intgħażel biex jospita l-avveniment annwali magħruf bħala ċ-‘Charter European of Rural Communities’. Iżda d-delegati li se jkunu f’pajjiżna mhux biss se jiddiskutu t-tema tas-solidarjetà, iżda se jduqun wkoll parti mill-kultura u t-tradizzjonijiet Għawdxin.

Filfatt, dawn il-mitejn delegat se jkunu ospitati minn familji Għawdxin fin-Nadur, biex jesperjenzaw kemm jistgħu l-ħajja Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, spjegat kif wara d-diskussjoni li se ssir, se jinkiteb rapport uffiċjali, li se jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea.

“Se jkollna mitejn delegat li se jiġu Għawdex, se jiġu diskussi temi topiċi, bħalma hi is-solidarjetà, pero se tkun esperjenza għalina bħala ministeru għal Għawdex biex nippromwovu lil Għawdex, u b’hekk is-sostenn tagħna għal din l-attività.”

Fil-konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru Caruana qalet li fost id-delegati hemm sebgħin żgħażugħ li se jagħmlu għadd ta’ attivitajiet, fosthom relatati mal-gastronomija, kulturali, u fiżiċi.

B’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta elfejn u tmintax, l-aħħar jum taż-żjara tagħhom f’pajjiżna, li se tkun mid-dsatax sat-tlieta u għoxrin ta’ Lulju, se jqattuha fil-Belt Valletta.

Fil-fatt, minn kmieni filgħodu huma se jduru t-toroq tal-Belt, fejn se jaraw ix-xogħol kollu li għamlet il-fondazzjoni, b’rabta mal-fatt li l-Belt għandha titlu tal-kapitali tal-Kultura Ewropea.

Iċ-Ċerment tal-Valletta Elfejn u Tmintax, Jason Micallef, iddeskriva dan l-avveniment bħala turija tal-fatt li l-V18 hija ferm ikbar mill-Belt Valletta.

“Proġett bħal dan inkomplu nikkonfermaw kif dak li għedna, jiġifieri li l-V18 ma tibdiex u tispiċċa fil-Belt Valletta. Fil-fatt, fir-reġjun t’Għawdex diġà għandna uffiċċju miftuħ tal-V18. Pero, proġett bħal dan, li għandu dimensjoni qawwija Ewropea, jolqot il-kaxxi kollha ta’ xi tfisser V18 – li tfisser taħlit ta’ komunitajiet differenti, taħlit ta’ kulturi differneti, u li n-nies ħa jinġiebu u joqgħodu flimkien.”

Is-Sindku tan-Nadur, Edward Said, qal li dawn se jesperjenzaw b’mod uniku lin-Nadur, waqt li fid-diskussjoni dwar is-solidarjetà se jieħdu sehem ukoll għoxrin sindku minn madwar Malta u Għawdex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend