Mill-Ġermanja għal Franza | One News

Notifiki

Mill-Ġermanja għal Franza

Ikolli nammetti li m’inhix intiża ħafna fl-isports, wisq inqas fil-futbol, iżda anke jekk ma tkunx, it-Tazza tad-Dinja tiġbed l-interess ta’ kulħadd, f’kull rokna tad-dinja, mill-kbir għaż-żgħir. Lanqas mhi l-intenzjoni tiegħi li nanalizza r-riżultat, iżda ċertament kellna rebħa meritata. Kienet Tazza tad-Dinja li tat sorpriżi, b’riżultat li ftit li xejn kien mistenni –filli l-Ingliżi determinati li Football is coming Home u filli Hugo Lloris qed jgħolli t-tazza għat-tim Franċiż. Iżda jekk tħares lejha minn lenti differenti, faċilment tinnota s-saħħa tad-diplomazija sportiva, liema waħda li jkolli ngħid li għandha l-akbar impatt fuq in-nies.

Nieħdu eżempju, l-Olimpjadi tal-2018 ressqu ‘l quddiem żewġ pajjiżi li ilhom snin għedewwa ta’ xulxin: Il-Korea ta’ Fuq u l-Korea ta’ Isfel. Dan meta t-tim tal-hockey kien ippreżentat minn parteċipanti miż-żewġ naħat. Deċiżjoni politika li waslet biex ftit wara ż-żewġ mexxejja li kienu għedewwa ħadu b’idejn xulxin f’żona li tifridhom.

Fit-Tazza tad-Dinja konna xhieda ta’ diplomazija sportiva li bil-prestazzjoni u riżultati ta’ ċertu pajjiżi bagħtu sinjal ċar lid-dinja u lill-popli tagħhom.

Bla dubju, l-Ingilterra kien wieħed minn dawn il-pajjiżi. Fl-eqqel tat-Tazza tad-Dinja, l-Ingliżi ma kellhomx ġimgħa faċli bil-Prim Ministru Theresa May tħabbat wiċċha ma’ riżenji marbuta mal-mod ta’ kif qed tmexxi n-negozjati Brexit. Irridu ngħdu li wara d-deċiżjoni tal-poplu Ingliżi, l-Ingilterra bdiet taffaċja iżolament fuq pjattaforma internazzjonali li affettwat xi ftit il-vuċi tagħha. Iżda t-Tazza tad-Dinja kienet is-sors li tat lura relevanza li dehret mitlufa. Fi sfond ta’ sitwazzjoni kaotika fil-pajjiż, t-Tazza tad-Dinja tat ċertu struttura u fuq kollox tama ġdida.

L-istess jista’ jingħad għal Franza, għalkemm l-istorja hi ftit differenti. Qed nitkellmu fuq Forza Ewropea li fl-aħħar xhur u snin rajniha titlef il-vuċi tagħha kawża ta’attakk terroristiku wara ieħor. Nazzarda ngħid li kienet qed titlef il-vuċi Ewropea tagħha u dan għax fl-Unjoni Ewropea kien hemm it-tendenza li l-aħħar kelma kienet tal-Kanċillier Ġermaniz Angela Merkel li qed tmexxi pajjiż b’koalizzjoni tpoġġi nċertezza fuq l-istess tmexxija. It-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena, għaddiet mill-Ġermanżi għal għand il-Franċiżi. Simbolu tax-xenarju Ewropew, bil-President Franċiż Emmanuel Macron qed jerġa’ jagħti lura l-vuċi Franċiża fuq pjattaforma internazzjonali . Dik il-vuċi li fl-aħħar snin , minn Sarkozy għal Hollande, ħafna kienu jarawha bħala l-vuċi ta’ xi segretarji ta’ Merkel. Meta Hugo Lloris għolla t-Tazza,  reġa’  radd lura l-glorja lill-art meqjusa bħala Omm il-Libertà, Ekwità u Fraternità.

Ma nistax nħalli barra l-pajjiż li ospita din it-Tazza tad-Dinja, r-Russja. Anke jekk ma rebaħx, xorta serva ta’ opportunità li esebixxa s-saħħa tal-President Russu , Vladimir Putin, anke jekk fadallu l-aħħar ftit snin imexxi l-Kremlin.  Bi ftuħ eċċezzjonali, tneħħi l-parti tal-ġest xejn nobbli tal-kantant Robbie Williams, għal għeluq mill-aqwa. ‘Nilqagħkom f’pajjiż miftuħ u bi ħbiberija’ qal Putin fid-diskors tal-ftuħ, li taqbel jew ma taqbilx mal-politika tiegħu, l-isport jew aħjar il-futbol għaqqad id-dinja f’pajjiż li jmexxi hu.

F’xenarju bħal dan bla ma trid tistaqsi x’se tkun ir-Russja mingħajr Putin fit-tmun jew x’inhi r-Russja mingħajr Putin?

Iżda, nemmen li  r-rebħa Franċiża esebixxiet is-saħħa tal-pajjiż u tal-kontinent Ewropew, li anke jekk qed jaffaċja bosta sfidi, xorta waħda tpoġġi l-Ewropa minn ta’ quddiem nett fuq ix-xenarju politiku nternazzjonali.  Kienet Tazza tad-Dinja simbolika, fejn filwaqt li rebaħ l-establishment ta’ Didier Deschamps, ingħataw lura eroj ġodda u s-supremazija lill-poplu Franċiż.

 

Allez le Blues !

Ta’ QabelLi Jmiss
Dinah Seguna hija l-Koordinatur tar-Relazzjonijiet Pubblici fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u hija minn Ħal Luqa. Gradwata fl-Ispanjol u Relazzjonijiet Internazzjonali, u għal 4 xhur segwiet l-istudji tagħha fl-Università ta' Oviedo Spanja bħala parti mill-programm Erasmus. Serviet għal xi snin bħala ġurnalista fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE, u issa qed issegwi Masters fid-Diplomazija u Relazzjonijiet Internazzjonali.

Send this to a friend