BIL-FILMAT: Il-President tal-Kroazja tixxotta d-dmugħ tal-captain Kroat | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Il-President tal-Kroazja tixxotta d-dmugħ tal-captain Kroat

Il-President tal-Kroazja Kolinda Grabar-Kitarovic, rebħet qlub miljuni ta’ nies li segwew il-finali tat-Tazza tad-Dinja, partikolarment fuq il-midja soċjali wara li waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-medalji lit-tim Kroat, dehret tixxotta d-dmugħ tal-captain Kroat, Luka Modric.

Tul il-logħba Kitarovic dehret tagħti l-kontribut tagħha mal-bqija tal-partitarji Kroati li kienu qed isemmgħu leħinhom għat-tim tagħhom fil-grawnd Luzhniki, f’Moska. Hija wkoll abbandunat kull ilbies formali u libset il-flok uffiċjali tal-Kroazja.

Madankollu kien waqt l-għoti tal-medalji li hija ġibdet għajn il-miljuni li segwew din il-finali. Minkejja t-telfa li ġarrab it-tim Kroat, hija baqgħet entużjasta u saħansitra ma’ tat l-ebda kas għax-xita li kienet nieżla qalil dak il-ħin.

Hekk kif kien imiss li l-captain tat-tim Kroat Luka Modric, jirċievi l-medalja tiegħu, wieħed seta’ jsegwi wieħed mill-iktar mumenti emozzjonali li provdiet din it-Tazza tad-Dinja.

Hija tagħtu tgħannieqa kbira u saħansitra dehret tixxottalu d-dmugħ. Modric kien pilastru mportanti għat tim Kroat hekk kif bit-talent uniku tiegħu f’nofs il-grawnd huwa gwida lil dan it-tim għal din il-finali tant prestiġġjuża.

Wara l-logħba Kitarovic ukoll daħlet fid-dressing room tat-tim Kroat sabiex terġa’ tirringrazzja lill-plejers kollha għall-prestazzjonijiet tagħhom mhux biss fil-finali iżda tul il-kompetizzjoni kollha.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend