Infrastruttura adekwata u sostenibbli – One News

Notifiki

Infrastruttura adekwata u sostenibbli

L-infrastruttura ta’ pajjiż kulħadd imiss magħha, b’mod speċjali dak relatat mal-bini, servizzi u aċċessibilità. Ilkoll nafu li pajjiżna avvanza tul is-snin, iżda irridu nammettu li l-investiment infrastrutturali qatt ma żamm mal-pass ta’ dan il-progress. Proġetti relatati mat-toroq, servizzi tal-elettriku, tal-ilma u dawk sanitarji dejjem tħallew jaqgħu lura meta kkumparat mal-investimenti oħra li gawda minnhom pajjiżna.

 

Il-fatt li dawn tħallew għal riħhom għal diversi snin ma jfissirx li nistgħu naqbu u nibdlu kollox ta’ taħt fuq mingħajr ma nħarsu lejn il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Mandanakollu, lanqas m’għandna inħallu dan it-tip ta’ raġunar iwaqqafna milli nagħmlu l-investimenti importanti li hemm bżonn. Pajjiżna jixraqlu infrastruttura denja u moderna, kemm bħala attrazzjoni għall-investituri kif ukoll għalina li nagħmlu użu minnha ta’ kuljum.

 

Ilkoll ingergru bit-traffiku, ilkoll ingergru bil-kwalità tal-ilma fil-vit, ilkoll ingergru fuq bankini imkissra…u sewwa nagħmlu – diment li din il-kritika tkun ġustifikata! Fl-istess waqt, xejn ma jsir permezz ta’ daqqa ta’ bakketta maġika. Huwa propju hawn fejn nibqa’ mistgħageb b’ċertu argumenti li jitqajjmu, fejn inħoss li ħafna drabi dawn jintqalu għall-konvenjenza. Hemm esponenti li verament huma ġenwini f’dak li jemmnu u jgħidu, iżda hemm oħrajn li jippreferu jesaġeraw is-sitwazzjoni sabiex jidhru bħala paladini. Ma nistax nifhem kif qed nopponu ċertu nvestiment infrastrutturali meta huwa ċarissimu li dan huwa neċessarju li għandu jseħh għall-ġid ta’ pajjiżna kemm fil-preżent kif ukoll għall-futur.

 

Naqbel li għandu jkun hemm konsultazzjoni u kritika kostruttiva mmirata sabiex proġetti infrastrutturali jinkorporaw skop iktar wiesa’ sabiex l-iżvilupp ikun sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. Iżda ejja ma nkunux drammatiċi iżżejjed fl-argumenti li inqajmu. Flimkien irridu niżguraw li l-infrastruttura li ilha ġejja minn żmien l-Ingliżi nimmodernizzawha sabiex pajjiżna jkun kapaċi jilqà l-isfidi li għandu quddiemu.

 

Naqbel li l-investiment m’għandux isir għad-detriment ta’ xi ħaga oħra, bħall-ambjent jew spazji miftuħa. Pero rridu nżommu kollox fil-kuntest ta’ pajjiżna. Jekk qed jitneħhew siġar mit-toroq sabiex dawn is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u siguri, ma jfissirx li qed neqirdu l-ambjent. Diment li proġetti infrastrutturali jġorru magħhom responsabbiltà ta’ kumpens ambjentali fil-pajjiż, ma nara xejn ħażin b’dan il-bilanċ. Apparti minn hekk, l-ambjent m’huwiex biss is-siġar tat-triq. Riċentament rajna l-investiment importanti mill-Water Serviċes Corporation imlaqqam ‘New Water’ – ilma ttrattat li jista’ jintuża għal skopijiet agrikoli biex, fost affarijiet oħra jonqos l-impatt fuq il-water-table.

 

Id-diskussjoni ambjentali għandha tkun ferm aktar wiesa’ minn sempliċi argument dwar siġra f’nofs ta’ triq. Inħoss li hemm bżonn għarfien ikbar dwar il-konservazzjoni u riċiklar tal-ilma, waste-management, konservazzjoni tal-ambjent, żoni rikreazzjonali kif ukoll il-bżonn ta’ spazji miftuħa fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna. Irridu nħarsu lejn il-master plans tal-lokalitajiet u reġjuni sabiex niżguraw sostenibbiltà fil-kwalità tal-ħajja, kif ukoll nħarsu l-irħula viċin żoni industrijali sabiex ir-residenti jkollhom għixien diċenti. Irridu nitgħallmu nivvalorizzaw iktar dak li għandna u nibdew nieħdu deċiżjonijiet li jħarsu fit-tul, aktar milli quick-fixes li ma joffrux sostenibbiltà.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend