Il-KullĦadd: 25 sena ta' esklussività | One News

Notifiki

Il-KullĦadd: 25 sena ta’ esklussività

Il-Ħadd 25 ta’ Lulju 1993 kienet ħarġet l-ewwel ħarġa tal-gazzetta KullĦadd fejn għaxart ijiem oħra se tkun ilha tiġi ppubblikata 25 sena.

Fil-mijiet ta’ kopji li kienu ppubblikati tul dan il-kwart ta’ seklu l-Kullħadd dejjem fittxet l-aħbar esklussiva kif ukoll li tkun relevanti bl-istejjer u l-kitbiet li twassal.

Illum ħarset ftit lura. Iżda iktar importanti minn hekk ħarset wkoll lejn il-preżent u l-ġejjieni. Dan b’impenn wieħed; dak li f’dinja ta’ sfida għal kull gazzetta mitbugħa nibqgħu nipprovdu aħbarijiet u kitbiet relevanti li jżommu b’saħħtu dan il-mezz ta’ komunikazzjoni favur il-progress u s-sewwa.

F’kitba fil-KullĦadd, Dr. Alfred Sant spjega kif il-gazzetta KullĦadd bdiet bħala parti minn sforz biex jiġu modernizzati l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Partit Laburista bejn is-snin 1992 u 1996.

Qabel, biex iwassal il-messaġġ politiku tiegħu, il-PL kien jistrieħ l-aktar fuq il-gazzetti tal-General Workers Union, L-Orizzont u It-Torċa, fuq il-gazzetta li kienet toħroġ nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija Il-Ħelsien, u l-aktar fuq l-istazzjon tar-radju mwaqqaf taħt it-tmexxija ta’ Dr Karmenu Mifsud Bonnici f’joint venture mas-Sur Joe Baldacchino tal-istudjo ta’ rrekordjar Smash.

Dan barra mill-konferenzi regolari li kienu jsiru fiċ-ċentri Laburisti u fil-meetings pubbliċi li kienu jinżammu. Spjega kif kien żmien meta l-midja soċjali ma kinitx teżisti u l-istazzjonijiet televiżivi minn barra kienu għadhom limitati.

Kien għalekk li wara ħafna ħidma u ħsieb ġie deċiż li l-Partit għandu jkollu vuċi soda permezz ta’ komunikazzjoni ta’ darba fil-ġimgħa. Dr. Sant spjega kif fost id-deċiżjonijiet ried jiġi deċiż l-isem li tingħata u kif setgħet tilħaq aktar u aktar nies, mhux biss il-Laburisti tal-qalba, iżda anke dawk li kellhom xi inteess xellugi jew progressiv.

Dr. Sant qal kif “ħsibna biex toħroġ il-Ħadd, anke jekk kienet se tidher li qed tikkompeti ma’ It-Torċa tal-General Workers Union. Biss, wieħed seta’ jargumenta li l-Ħadd kien hemm spazju biżżejjed għal żewġ gazzetti xellugin, la n-naħa tal-Gvern Nazzjonalista kellha kuljum aktar minn gazzetta waħda li tagħtiha l-appoġġ. L-għażla tal-Ħadd daħlet qisha ingwanta fid-deċiżjoni dwar il-miri tal-pubblikazzjoni: KullĦadd tinftiehem ukoll bħala Kull (nhar ta’) Ħadd. Jidhirli li ma tqarraqniex filħsieb li lKullĦadd , waqt li bniet l-kotra tal-qarrejja tagħha, speċjalment lejn is-sena 1996, ma kienet tal-ebda dannu f’hekk għal gazzetta It-Torċa . Jien l-ewwel wieħed żgur ma ridtx li dil-ħaġa tiġri għax minn żmien żemżem, personalment kelli rabta mill-qrib u produttiva mal-gazzetti tal-Union Press.”

Spjega kif fuq quddiem nett, il-gazzetta kellha tinqata’ b’xi mod mill-bqija tal-kompetizzjoni anke f’sens viżiv. Sostna kif riedu li l-KullĦadd tkun unika fost il-gazzetti l-oħr bl-idea kienet li jaddattaw din il-preżentazzjoni għal stejjer politiċi u soċjali ta’ dawk iż-żminijiet, murija mil-lenti tal-PL.

Apparti minn hekk il-kontenut ried isir b’kordinament mal-istejjer li l-kamra tal-aħbarijiet tar-radjo kienet tkun qed twassal biex b’hekk jaħdmu id f’id u jiġi mwassal l-aqwa messaġġ.

Wara ġie deċiż min se jkun li se jmexxi din il-gazzetta fejn bi ħsieb għaqli ġie avviċinat Feliċ Agius li aċċetta  biex itellaq u jmexxi l-KullĦadd.

Dr. Sant spjega kif “sa minn qabel beda jiffunzjona l-istazzjon televiżiv ta’ Super One, bejniethom Evarist Bartolo, Joe Borg u Feliċ rawmu mod ġdid ta’ ħidma fil-qasam ġurnalistiku. Barra milli tejbu bil-qawwi l-profil tal-PL fil-qasam tal-komunikazzjoni politika, daħħlu fix-xena numru ta’ żgħażagħ ta’ talent u ħila li ma kinux mgħobbija bil-preġudizzji u t-tifkiriet tal-imgħoddi. Għamlu minnhom l-esponenti ta’ bixriet u ideat Laburisti ġodda, waqt li ħadmu fuq l-aħbarijiet tar-radjo u l-ħarġiet talKullĦadd . Insemmuhomn b’isimihom, skont ordni alfabetiku bil-kunjom (u apoloġiji jekk se ninsa lil xi ħadd): Claudette Baldacchino; Glenn Bedingfield; Chris Cardona; Simone Cini; Miriam Dalli; Martin Debattista; Mark Farrugia; Joe Mifsud; Joseph Muscat.”

Dr. Alfred Sant spiċċa l-artiklu b’dak li beda fejn qal li l-KullĦadd trid titqies mhux waħedha imma bħala parti minn sforz lejn tiġdid fil-komunikazzjoni Laburista tassnin 90 tas-seklu l-ieħor. Il-gazzetta telqet b’personnel full-time (jew kważi) limitat ħafna: barra Feliċ Agius, Maria Borg u ftit wara daħlet ukoll Sylvana Farrugia li kienu jieħdu ħsieb il-produzzjoni teknika, fejn taw servizz eżemplari.

“Niftakar l-eċitament li bih stennejna l-“wasla” tal-ewwel mock-up tal-ħarġa li se timmarka n-numru 1 tal-gazzetta; imbagħad ġimgħa wara, it-tieni mock-up bi stejjer ġodda ġo fiha li ma kinux se jiġu ppubblikati; u fl-aħħar it-tielet mock-up, li kien tassew l-ewwel ħarġa li tqassmet għall-bejgħ il-Ħadd filgħodu. Meta mort nixtriha mingħand il-ħanut tal-gazzetti, għalkemm diġà kont naf kulma kien fiha, jien l-ewwel wieħed żgur ma stennejtx li 25 sena wara, kont se nkun qed nikteb dan l-artiklu “ta’ tifkira.””

Temm billi qal li ħaġa waħda baqagħlu jagħmel – dik li jixtieq lill-KullĦadd tal-anqas 25 sena oħra ta’ ħajja.

Aqra l-artiklu kollu miktub minn Dr. Alfred Sant fuq il-ħarġa tal-KullĦadd tal-lum fuq paġna 11.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend