Miriam Dalli inħatret rapporteur fil-Parlament Ewropew fuq il-fond tal-UE biex jimmaniġja l-influss ta' migrazzjoni | One News

Notifiki

Miriam Dalli inħatret rapporteur fil-Parlament Ewropew fuq il-fond tal-UE biex jimmaniġja l-influss ta’ migrazzjoni

Il-Membru Parlamentari Laburista Miriam Dalli inħatret bħala rapporteur fil-Parlament Ewropew sabiex taħdem fuq ir-regolament li se jwaqqaf il-Fond għall-Ażilju u l-Migrazzjoni.

Dan il-Fond huwa instrument li se jiffinanzja l-oqsma importanti tal-ażilju u l-migrazzjoni bejn il-perjodu 2021-2027 u għandu l-għan li jikkumplimenta l-ħidma tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażilju, migrazjoni legali u fruntieri esterni kif ukoll fil-glieda kontra migrazzjoni rregolari u ritorn.

Bħala reazzjoni għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri u biex l-influssi ta’ immigrazzjoni jiġu kkontrollati b’mod effettiv, il-Kummissjoni Ewropea irduppjat il-fondi allokati għall-10.4 biljuni. Din iż-żieda proposta, meta kkumparata mal-baġit addottata fl-2014, tirrifletti l-ħtieġa ta’ fondi sostanzjali matul is-snin għall-politika tal-migrazzjoni.

Miriam Dalli bħala rapporteur trid tassigura li l-allokazzjoni tal-fondi ssaħħaħ is-solidarjeta fost l-Istati Membri, jkun hemm ritorn b’dinjità u tippreżenta metodu prattiku ta’ kif tingħata protezzjoni internazzjonali.

“Hekk kif huma l-aktar affetwati bil-wasliet tal-immigranti, miżuri b’saħħithom u effettivi huma meħtieġa għall-Istati Membri fil-periferija tal-UE,” MEP Dalli qalet b’reazzjoni għall-ħatra tagħha.

Dalli saħqet li l-allokazzjoni ta’fondi għandha tkun flessibli kemm jista’ jkun biex tiggarantixxi li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-Istati Membri, li jvarjaw madwar l-UE. “L-applikazzjoni ta’ fondi għandha tibqa’ relevanti għal dak li jkun qed iseħħ,” hija qalet, u żiedet li jrid jintleħaq bilanċ bejn l-għanijiet differenti li għandu dan il-fond.

L-MEP Laburista saħqet ukoll fuq il-bżonn li tonqos il-burokrazija żejda u li l-allokazzjoni ta’ fondi issir malajr. Din għandha tkun kumplimentata minn miżuri li jsaħħu t-transparenza, insistiet Dalli.

“Inħares ‘il quddiem biex naħdem fuq din il-proposta biex nassigura li l-Istati Membri tal-UE għandhom l-għodda adegwati biex jindirizzaw il-migrazzjoni minn kull aspett. Il-Fond jeħtieġ li jsaħħaħ il-politika ewropea tal-migrazzjoni u jassigura li hi waħda realistika u ugwali għal kulħadd, filwaqt li tassigura li l-pajjiżi tal-UE jimxu mal-obligazzjonijiet tagħhom kemm lejn dawk in-nies li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali kif ukoll tiffaċilita r-ritorn ta’ persuni li m’ghandhomx dritt li joqgħodu f’pajjiżi fl-UE. Huwa importanti li nsibu soluzjonijiet biex ikollna moviment immaniġjat b’mod tajjeb u mhux influss irregolari. L-immaniġjar ta’ migrazzjoni b’mod ħolistiku  jista’ jkollha riżultati sostenibbli”, Dalli kkonkludiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend