Il-White House qalet li summit bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-mexxej Russu Vladimir Putin se jsir kif pjanat, minkejja t-tensjoni fuq l-allegat indħil Russu fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana. It-tnejn li huma se jiltaqgħu għal taħdidiet fil-kapitali Finlandiża Helsinki matul il-jum tat-Tnejn.
Il-kelliema għall-White House Sarah Sanders qalet lill-ġurnalisti li kollox se jsir kif pjanat. Madanakollu, hemm appelli biex il-laqgħa titħassar, wara li fil-jum tal-Ġimgħa, l-Istati Uniti akkużat lil tnax-il uffiċjal Russu b’indħil. Min-naħa tagħha, ir-Russja qalet li tinsab ħerqana għal-laqgħa, bil-konsulent tal-Kremlin Yuri Ushakov jgħid li Trump huwa kkunsidrat bħala sieħeb fin-negozjati. Żied jgħid li r-relazzjonijiet bilateri jinsabu fi stat ħażin, u għalhekk hemm bżonn li jitranġaw.