Bejn l-Amerika ta' Trump u l-Ewropa | One News

Notifiki

Bejn l-Amerika ta’ Trump u l-Ewropa

Kien mument li l-Ġermaniżi jsejħulu Katastrophe.

M’hemmx bżonn ta’ traduzzjoni.

Dik li suppost kienet laqgħa sempliċi bejn pajjiżi alleati, malajr żvolġiet f’diżastru politiku hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, beda s-summit annwali tan-NATO billi jinsulta lill-Kanċieller Ġermaniża Angela Merkel, quddiem il-pajjiżi kollha Ewropej u l-kameras tat-televiżjoni.

Anke bl-istandards baxxi ta’ Trump li issa sirna mdorrijin bihom, l-attakk tiegħu kontra l-Ġermanja bħala wieħed mill-aktar pajjiżi Ewropej qrib l-Istati Uniti, kien allarmanti. Mill-messaġġi li ħarġu mis-Summit tan-NATO, deher ċar in-nuqqas ta’ qbil li hemm bejn l-Ewropej u l-politika kontroversjali ta’ Trump. Fl-aħħar xhur, Trump deher jattakka u jinsulenta lill-Ġermanja diversi drabi fejn f’xi okkażjonijiet saħansitra rrifjuta milli jieħu b’idejn Merkel. Smajnieh ukoll jilmenta li jara wisq karozzi Ġermaniżi fit-toroq Amerikani. Fil-mument li l-Kanċillier Angela Merkel qed tesperjenza kriżi politika fuq l-immigrazzjoni f’pajjiżha stess, il-President Amerikan deher li kien qed jitpaxxa jara lin-nies Ġermaniżi jduru kontra t-tmexxija tagħhom.

Jeżistu ħafna teoriji dwar ir-raġuni għalfejn Trump donnu ffissa l-attakki tiegħu fuq il-Ġermanja, speċjalment meta wieħed iqis li l-antenati tiegħu kienu wkoll Ġermaniżi.  Dawn it-teoriji jistipulaw li Trump m’għandux demm ma’ Merkel għaliex kienet waħda mill-eqreb alleati tal-President Barack Obama. Oħrajn jgħidu li Trump ma jħossux komdu b’nisa b’saħħitom bħal Merkel. Minn naħa l-oħra, il-partitarji ta’ Trump jgħidu li l-President Repubblikan qiegħed biss jgħaddi messaġġ iebes lill-Ġermanja, bil-għan li jagħmilha iktar reżistenti kontra t-theddid minn pajjiżi bħar-Russja.

Fost dan l-inkwiet kollu, l-attakki ta’ Trump kontra l-Ġermanja qed iservu biex ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa jkomplu jitkissru.

L-Erbgħa li għadda, Trump stqarr li fl-opinjoni tiegħu, il-Ġermanja sfruttat il-benefiċċji tal-alleanza tagħha mal-Istati Uniti għal snin twal. Dan għaliex, l-Istati Uniti għandha defiċit kummerċjali mal-Ġermanja ta’ madwar $65 biljun. Trump ilmenta wkoll li bħala l-iktar pajjiż sinjur fl-Ewropa, il-Ġermanja qed tonfoq inqas minn 2% tal-Prodott Gross Domestiku fid-difiża.

Ċertament, il-fatti ppreżentati minn Trump huma żbaljati jew eżaġerati. Per eżempji, xi wħud mill-esperti jgħidu li id-defiċit kummerċjali li semma l-President Amerikan huwa biss aspett wieħed tar-relazzjoni kummerċjali li hija biss parti mill-magna ekonomika tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Ġermanja u ħafna mill-alleati l-oħra tal-Amerika fl-Ewropa, jistgħu jitgħallmu lezzjoni differenti. Iż-żmien fejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jistgħu jiddependu kompletament fuq xulxin spiċċa. Wara l-prestazzjoni ta’ Trump nhar l-Erbgħa, din ir-realizzazzjoni hija probbabilment aktar ċara minn qatt qabel.

Pajjiżi Ewropej qed jirrealizzaw li wasal iż-żmien fejn l-Ewropa tibda’ taħseb għall-futur tagħha mingħajr l-Istati Uniti, għalinqas għall-bqija tal-presidenza Trump. Fl-istess waqt, m’hemm l-ebda garanzija li l-Istati Uniti wara l-presidenza Trump se terġa ssib l-Ewropa li xi darba kienet taf. Ħaġa waħda hemm fiċ-ċert, l-alleati Ewropej tal-Istati Uniti jinsabu quddiem dilemmi li diffiċli tgħid kif tista’ tħollhom bla aktar għawġ.

Ta’ QabelLi Jmiss
Rebecca Buttigieg hija attivista u temmen li l-politika hija għodda sabiex nixprunaw il-bidla fil-pajjiż b’inizjattivi konkreti. Gradwata fid-Diplomazija mill-Università ta' Malta u kisbet Masters mill-Università ta’ Edinburgh. Hija ħadmet fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u wara l-elezzjoni tal-2017 assumiet ir-rwoll ta’ Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. Fl-2018 inħatret bħala Uffiċċjal taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat Lokali tal-Partit Laburista fil-Gżira.

Send this to a friend