"Wasal il-pass li nirriġeneraw il-kċina Maltija" – Shane Delia | One News

Notifiki

“Wasal il-pass li nirriġeneraw il-kċina Maltija” – Shane Delia

Il-kok Malti-Awstraljan ta’ fama internazzjonali, Shane Delia, irid li issa jitfa ħarstu fuq pajjiżna, u jagħti identità kulinarja ġdida lil Malta. Dan wara li għamel suċċess kbir fl-Awstralja, fejn saħansitra fetaħ katini ta’ ristoranti.

Ħabbar dan f’intervista ma’ ONE NEWS, hekk kif bħalissa jinsab f’pajjiżna għal btala ta’ xahar. Huwa qal li l-ħolma u x-xewqa li jibbaża ruħu f’pajjiżna qiegħda fih, iżda issa jonqos li jsib lil xi ħadd ma’ min jissieħeb.

“The chances are really high, the want and the desire is really high for me.. now its about finding the partner who’s willing to partner with me, and who’s going to be the person on the ground which makes those dreams a reality.”

Hu qal li fejn jidħol l-ikel, pajjiżna għandu potenzjal kbir, u kapaċi joħloq platti ġodda bl-ingredjenti lokali.

Spjega li minkejja dan, bħallikieku nikkuntentaw ruħna bi platti li fil-passat ħadna mingħand pajjiżi oħra, u nsejħulhom Maltin.

“I think it needs to start back from produce.. regrowing produce that has been lost, to re-establish a new cuisine moving forward.. like creating new dishes, that’s not a re-creation of ravjul, or pastizzi.. leave them as they are.. nanna makes them, they’re good and beautiful.. but what can we use that we have the natural resources for here..” 

Shane spjega li l-ikel hu parti integrali mis-settur turistiku, u allura huwa importanti li pajjiżna jimxi ‘l quddiem f’dan is-sens. Saħaq li jekk pajjiżna jkun kuraġġuż biżżejjed, kapaċi jħabbatha ma’ fost l-aqwa kċejjen fid-dinja.

Il-ħajra li jibda jsajjar bdiet meta kien għad kellu biss erbatax-il sena. Dakinhar, missieru qallu li qabel jiddeċiedi xi jrid jagħmel f’ħajtu, għandu jiġi jgħix Malta għal xi xhur. Jirrakkkonta kif fl-iżjara tiegħu f’pajjiżna, ikkonferma x-xewqa li jsir kok, u meta rritorna f’pajjiżu, telaq mill-iskola, u beda l-apprentistat ma’ ristoranti Awstraljani.

Minn hawn qatt ma ħares lura, biex fl-elfejn u tmienja fetaħ l-ewwel ristorant tiegħu, Maha. Ftit tas-snin wara beda katina ta’ ristoranti, li llum jammontaw għal disgħa.

Għalih, il-pass li jmiss huwa li jkompli jżid fuq dak li beda fl-aħħar għaxar snin, fejn issa qed jara li jiftaħ ristoranti ġodda saħansitra fl-Istati Uniti, u t-Turkija.

Permezz tal-programm tat-televiżjoni li kellu fl-Awstralja, bl-isem ta’ Spice, Shane żar diversi partijiet fid-dinja, bħal Libanu, l-Iran, l-Afrika ta’ Fuq, u l-Ewropa. Qal, li fil-futur jixtieq li jagħmel programm li jkun ibbażat kollu kemm hu f’pajjiżna.

Fl-aħħar nett, hu spjega li pajjiżna għadnu bżonn nies li huma passjonati mhux biss bl-ikel, iżda f’setturi bħal mużika, ix-xogħol tal-fuħħar, u l-arkitettura fost oħrajn – dan biex fi kliemu, jgħollu l-livell awtentiku ta’ pajjiżna.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend