Ix-xiri waqt is-sales tas-Sajf – One News

Notifiki

Ix-xiri waqt is-sales tas-Sajf

L-istaġun tas-Sales qiegħed fl-aqwa tiegħu u għaldaqstant fuq il-vetrini tal-ħwienet naraw diversi tabelli jirreklamaw roħs u offerti li jħajruna ndaħħlu idejna fil-but u nixtru.

 

Prezzijiet imraħħsa jistgħu iwassluna biex nixtru b’mod impulsiv u għalhekk nitpoġġew f’riskju li nixtru  affarijiet li m’għandniex bżonn jew li ngħaddu mingħajrhom. Biex nevitaw dan importanti li qabel nixtru nieqfu u naħsbu.

Meta nixtru waqt is-Sales m’għandniex ninsew id-drittijiet legali tagħna u li dawn id-drittijiet ma jinbidlux għaliex il-prezzijiet jorħsu. Dan ifisser li jekk nixtru prodott imraħħas fil-prezz u dan il-prodott jinzerta difettuż jew mhux skont il-ftehim tax-xiri, id-dritt tagħna li nitolbu rimedju mingħand il-bejjiegħ huwa l-istess daqs li kieku l-oġġett xtrajnih bil-prezz oriġinali. Għaldaqstant jekk naraw xi tabelli fil-ħwienet li jgħidu li ma jistax isir ritorn ta’ oġġetti mixtrija bi prezz imnaqqas dawn ir-regoli japplikaw biss meta nagħmlu deċiżjoni ta’ xiri ħażina u mhux meta l-prodotti jkunu difettużi. Tal-ħanut ma jistax inaqqas jew iċaħħadna mid-drittijiet legali tagħna.

Waqt is-Sales nistgħu nsibu ruħna f’sitwazzjoni fejn ikollna bżonn nirritornaw oġġetti difettużi li nxtraw bi prezz oriġinali. F’dan il-każ jekk il-prodott ma jkunx jista’ jissewwa jew jinbidel mill-bejjiegħ għandna dritt nitolbu l-flus li ħallasna għall-oġġett lura.  Importanti li nippreżentaw l-irċevuta bħala prova tax-xiri biex nuru li meta xtrajna l-oġġett ħallasna l-prezz oriġinali u mhux imraħħas.

Bħala konsumaturi m’għandniex ninsew li hemm differenza bejn meta jkollna bżonn nirritornaw prodott għaliex difettuż u meta nirritornaw prodott għaliex ma nkunux għamilna għażla tajba. Meta jerġa’ jibdielna minn dak li nkunu xtrajna l-liġi ma tagħtiniex id-dritt li mmorru bil-prodott lura għand tal-ħanut u nitolbu soluzzjoni. F’dawn il-każijiet huma l-kundizzjonijiet tar-ritorn tal-ħanut li japplikaw. Waqt li l-maġġor parti tal-ħwienet jaċċetta ritorn ta’ oġġetti mhux użati, dan ir-ritorn ikollu marbut miegħu numru ta’ kundizzjonijiet. Għalhekk huwa importanti li nistaqsu lil tal-ħanut dwar dawn il-kundizzjonijiet qabel ma nikkonkludu x-xiri. Peress li waqt is-Sales tal-ħwienet jistgħu ibiddlu jew ineħħu l-kundizzjonijiet tar-ritorn tal-oġġetti mixtrija, huwa mportanti ħafna li dejjem nistaqsu kif u jekk nistgħu nibdlu oġġett qabel inħallsuh.

F’każ li nitħajru nixtru oġġetti imraħħsa fil-prezz għaliex ikunu shop soiled,  tajjeb li qabel nagħmlu dan niċċekkjaw sew x’difetti għandu l-oġġett u wara niddeċiedu jekk jaqblilniex nixtruh. Għandna niftakkru li difetti li konna nafu dwarhom qabel ix-xiri ma nistgħux nilmentaw dwarhom wara. Jekk però l-oġġett li nixtru joħroġlu difett moħbi, d-dritt legali li nitolbu rimedju japplika daqslikieku l-oġġett xtrajnih bla difett.

Is-Sales għandhom ikunu ġenwini. Hija meqjusa bħala prattika kummerċjali qarrieqa li bejjiegħ jagħmel dikjarazzjoni ta’ roħs minn prezz partikolari meta fil-verità l-oġġett qatt ma jkun inbiegħ bil-prezz riklamat. Barra minn hekk, meta ħanut jagħmel paragun ta’ roħs bejn żewġ prezzijiet, l-ogħla prezz għandu jkun l-aħħar prezz li kien qiegħed jinbiegħ l-oġġett qabel ma beda s-Sale.

Jekk waqt ix-xiri l-konsumatur jiltaqa’ ma’ xi prattika kummerċjali qarrieqa, jista’ jagħmel rapport mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur billi jċempel fuq: 8007 4400 jew jibgħat imejl fuq [email protected].

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend