"Il-ħolqien ta' direttorat għall-infurzar fl-ERA hu pass pożittiv" – BirdLife Malta | One News

Notifiki

“Il-ħolqien ta’ direttorat għall-infurzar fl-ERA hu pass pożittiv” – BirdLife Malta

BirdLife Malta stqarret li qed tilqa’ l-ħatra ta’ Direttur ġdid fi ħdan l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex imexxi t-taqsima l-ġdida tal-infurzar li nħolqot fi ħdan l-ERA.

Il-ħolqien ta’ din il-kariga ġdida huwa aħbar pożittiva li ġġib tama li jkun hemm titjib f’qasam li Malta dejjem batiet fih. Fi stqarrija l-BirdLife Malta awgurat kull suċċess lil-Logutenent Kurunell irtirat Mario Schembri u wiegħditu l-koperazzjoni sħiħa tagħha fir-rwol ġdid tiegħu fit-tmexxija ta’ dan iddirettorat.

Huma żiedu jgħidu li l-infurzar f’Malta huwa neċessità minħabba l-impatt qawwi tal-attività tal-bniedem fuq il-ftit zoni naturali li għad fadal, speċjalment siti Natura 2000.

BirdLife Malta ħadet wkoll l-opportunità biex titlob lill-Gvern jgħaddi l-infurzar fil-qasam tal-ħarsien tal-għasafar ukoll taħt ir-responsabbiltà tal-ERA.

Intant b’reazzjoni għal dan, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima jilqa’ r-reazzjoni pożittiva mressqa minn diversi persuni u għaqdiet ambjentali fosthom BirdLife Malta u NatureTrust Malta fir-rigward tal-ħolqien ta’ direttorat ġdid fi ħdan l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-konformità u l-infurzar immexxi mil-Lt. Col. Mario Schembri (ret’d), fejn fi stqarrijiet separati rrikonoxxew dan il-pass pożittiv.

 Il-poplu Malti u l-istakeholders iridu minn dan il-gvern l-ogħla u l-aqwa protezzjoni għall-ambjent u għalhekk il-Ministeru għall-Ambjent fehem il-bżonn li tiġi attwata din il-ħtieġa permezz tal-ħolqien ta’ dan id-direttorat.

 Hu biss fi spirtu ta’ djalogu u ta’ sens ta’ unità li l-kapital naturali ta’ pajjiżna jista’ jkompli jkun assigurat li jingħata l-protezzjoni mistħoqqa, dan għall-kuntrarju ta’ dak li tagħmel il-kritika inġusta, il-politika diviżiva u ta’ attakki personali li kemm il-poplu u issa anke l-istakeholders qed juru li ma jridux.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend