BIL-FILMAT: Jingħata t-tarmak fi Vjal ix-Xarolla | One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Jingħata t-tarmak fi Vjal ix-Xarolla

Wara li fix-xhur li għaddew tlesta x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq li twessgħet b’żewġ karreġġjati ġodda, il-Ħamis filgħodu bdew l-aħħar xogħlijiet ta’ asfaltar fit-triq residenzjali.

Permezz ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, il-Gvern żvilupp triq arterjali ġdida li diġà qed tagħti aċċess aħjar liż-Żrieraq u lis-sewwieqa li jgħaddu minn dan ir-raħal.

Malli tlesta x-xogħol fuq it-triq arterjali, beda mill-ewwel ix-xogħol fuq it-triq residenzjali li hija ġdida u separata mit-triq ewlenija u se tagħti aċċess aktar sigur għar-residenti li jgħixu f’din it-triq.

Lawrence Darmanin mid-Direttorat tal-Infrastruttura u t-toroq qal li x-xogħlijiet ħadu ftit taz-zmien minħabba li l-proġett affaċċja dewmien mhux mistenni minħabba xi sejbiet arkeoloġiċi li jmorru lura eluf ta’ snin fostom kumplessi ta’ oqbra li qatt ma kienu nkixfu qabel.

Il-proġett kien jinkludi t-tibdil ta’ servizzi essenzjali lid-djar bħal dawk tal-ilma, drenaġġ, dwal tat-triq u tat-telekomunikazzjoni, katusi tad-drenaġġ u sistema ta’ pajpijiet u ġibuni għall-ilqugħ u l-ħażna tal-ilma tax-xita. Fl-istess waqt, inbnew mill-ġdid il-bankini, kif ukoll postijiet ta’ parkeġġ adekwati b’disinn aktar sikur.

Wara li tlesta x-xogħol tas-servizzi taħt l-art, inbnew is-sisien ġodda tat-triq sabiex l-Ħamis filgħodu bdiet tinkesa bl-aħħar saff ta’ asfalt. L-ewwel tliet partijiet mistennija jkunu lesti din il-ġimgħa waqt l-aħħar żewġ partijiet jinksew bl-asfalt fil-jiem ta’ wara.

Hekk kif titlesta din it-triq, mistennij jibda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi li tmiss ma’ Vjal ix-Xarolla u twassal għal Ħal Safi u Ħal Kirkop.

Sadantittant, il-Ministeru għat-Trasport għaddej bl-aħħar tħejjijiet sabiex fil-ġimgħat li ġejjin iwaqqaf l-aġenzija Infrastructure Malta li se tinvesti mas-seba’ mitt miljun għat-titjib fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend