Lejn Politika Kulturali Nazzjonali – One News

Notifiki

Lejn Politika Kulturali Nazzjonali

F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-Direttorat tal-Kultura beda proċess interessanti li għandu jwassalna biex ikollna Politika Kulturali Nazzjonali għas-snin 2020–2025.  Mhux l-ewwel darba li pajjiżna ħass il-ħtieġa li jaddotta din it-tip ta’ politika, fl-2011 kellna l-ewwel waħda.  F’seba’ snin ix-xena kulturali f’Malta u Għawdex inbidlet għal kollox.

Fl-2011, il-Gvern kien jinvesti mas-€26 miljun fis-sena f’dan is-settur.  Din is-sena, il-Gvern qed jinvesti €70 miljun. Il-programm elettotrali tal-Gvern jimpenjah li jinvesti aktar.

Qegħdin fis-sena li niċċelebraw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.  Rajna diversi attivitajiet kulturali kbar u għad baqa’ iktar x’naraw. Għandna Kunsill Malti għall-Arti dinamiku, li  jiftaħ opportunitajiet kbar għall-artisti Maltin.  Twaqqfet Festivals Malta li kompliet tgħolli l-livell tal-festivals.  Għandna Pjazza Teatru Rjal li ta l-ħajja lit-teatru miftuħ.  L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta laħqet livelli bla preċedent, u saret tpaxxi lin-nies fl-aqwa swali Ewropej.  Ingħata bidu għal Żfin Malta u Teatru Malta.  Il-kullana ta’ suċċessi ma tispiċċa qatt.  Mhux qed ngħodd il-biżibilju ta’ attivitajiet kulturali li organizzati fil-komnunitajiet, ħafna drabi anke bis-sehem tal-Kunsilli Lokali.

Meta wieħed jara dan kollu, bilfors irridu nħarsu lejn politika kulturali ġdida.  Mhux aħna biss qed naraw dan ir-rinaxximent ġdid.  L-Ewropa kollha trid tpoġġi l-kultura fuq nett tal-aġenda politika.  Wara kollox, l-2018 hi s-sena tal-Wirt Kulturali Ewropew.  Sebgħa minn kull għaxar ċittadini Ewropej iħossuhom kburin bil-wirt kulturali.  L-Ewropa għandha ‘trade surplus’ ta’ €8.7 biljun f’prodotti kulturali. Fl-Unjoni Ewropea għandha 8.7 miljun persuna li jaħdmu fil-qasam kreattiv.

Kollox ward u zahar?  L-għaxar diskussjonijiet pubbliċi li kellna f’Mejju u Ġunju messu ħafna temi li jistgħu joffrulna sfidi nteressanti u opportunitajiet ġodda.

Ittrattajna diversi temi, fosthom il-wirt kulturali, l-innovazzjoni kulturali li tressaqna lejn ekonomija kreattiva, l-effett tal-globlizzazzjoni, id-diversità kulturali, l-istat professjonali tal-ħaddiema f’dan is-settur, il-kapital kulturali u l-edukazzjoni, kif ukoll il-prattika artistika miż-żgħażagħ li twassal għall-ċittadinanza attiva, ħsieb kritiku u empowerment.

Affaxxinajt ruħi bis-sehem attiv tal-attendenzi numerużi.  Ftit ferm kienu d-diżappunti li ħassejt minn dawn il-laqgħat.

 

Xtaqt nara aktar parteċipazzjoni mill-industrija privata, li naraha għadha mhux parteċipi biżżejjed, ħlief il-kumpaniji kbar li jħossu din ir-responsabilità soċjali.  Ikkonfermajt kemm minn xi daqqiet għandna frammentazzjoni fost l-għaqdiet volontarji.

 

Ftit ferm kienu l-affarijiet li dejquni ħdejn il-posittività enormi li kienu karatteriżżata il-laqgħat kollha.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend