Ippubblikati l-ewwel ritratti tat-tfal Tajlandiżi fl-isptar wara jiem maqbudin f'għar | One News

Notifiki

Ippubblikati l-ewwel ritratti tat-tfal Tajlandiżi fl-isptar wara jiem maqbudin f’għar

Ħarġu l-ewwel ritratti taċ-ċkejknin Tajlandiżi mill-isptar, sigħat wara li operazzjoni ta’ salvataġġ intemmet b’wiċċ il-ġid u wara sbatax-il jum ġew salvati minn għar li nqabdu fih fit-Tajlandja.

Lebsin maskri tal-ossiġnu u ġagagi tal-isptar, is-subien jidhru bi tbissima fuq fommhom sodda ma’ sodda fl-isptar fejn qed jingħataw il-kura.

Ir-ritratti ġew ippubblikati fi sfond ta’ dettalji ġodda li ħarġu dwar l-operazzjoni intensiva u drammatika fl-aħħar jiem.

Dawk li ħarġu lit-tfal mill-għar tawhom mediċini biex jikkalmaw, speċjalment minħabba l-passaġġi mdallma u dojoq.

Għal ħafna tfal tal-iskola Tajlandiżi, l-għodwa tal-Erbgħa ġabet ferħ kbir, hekk kif l-aħbar ġabet magħha bosta ċelebrazzjonijiet mifruxa madwar il-pajjiż.

Klabbs tal-futbol internazzjonali – bħall-Manchester United u Benfica, offrew ospitalità għas-subien, il-kowċ tagħhom u dawk kollha li għenu fl-operazzjoni.

Dan filwaqt li l-President tal-FIFA Gianni Infantino stedinhom għall-Finali tat-Tazza tad-Dinja l-Ħadd li ġej, dejjem jekk jiksbu lura saħħithom sa dakinhar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend