Aħbar li ġriet mal-erbat irjieħ tad-dinja u li kien hemm il-biża li setgħet tispiċċa ħażin, b’xorti tajba spiċċat b’wiċċ il-ġdid.
Dan hekk kif bugħaddasa fit-Tramuntana tat-Tajlandja salvaw lit-tnax-il tifel u l-kowċ tagħhom minn ġo kumpless ta’ għerien li spiċċa mgħarraq.
L-operazzjoni ġiet fi tmiemha wara li l-grupp kien ilu maqbud taħt l-art għal sbatax-il jum.
L-ewwel grupp ta’ subien inħarġu fil-jum tal-Ħadd, filwaqt li l-aħħar grupp ħareġ it-Tlieta filgħaxija.
Il-grupp inqabdu fil-fond tal-għerien fit-tlieta u għoxrin ta’ Ġunju, wara li xita qalila kkawżat l-għargħar u ħabba f’hekk ma setgħux joħorġu.
It-tfal, li għandhom bejn ħdax u sbatax-il sena, huma membri tat-team tal-football Wild Boars, u daħlu fis-sistema tal-għerien bl-isem Tham Luang fil-provinċja ta’ Chiang Rai.
Kien il-ġimgħa l-oħra li huma nstabu minn bugħaddasa Ingliżi.
Maqtugħin għalihom fid-dlam u fuq biċċa art u maqtugħa minn mal-kumplament tad-dinja għal disat ijiem, bdiet ġirja kontra l-ħin biex jinħarġu qabel ma t-temp ikompli jiggrava.
L-ewwel tmien subien, li kienu salvati l-Ħadd u t-Tnejn, għadhom l-isptar iżda jinsabu f’saħħa mentali u fiżika tajba.
Fl-isptar sarulhom testijiet tal-x-rays u tad-demm, u se jibqgħu taħt osservazzjoni fl-isptar għal min tal-inqas sebat ijiem.
It-Thai Navy Seals ikkonfermaw is-suċċess tal-operazzjoni ta’ salvataġġ, hekk kif fuq Facebook ħabbru li t-tnax-il membru tat-tim Wild Boars u l-kowċ tagħhom inħarġu minn ġol-għar.
Sfortunatament, din l-istorja ma kinitx kollha ward u żahar. Dan hekk kif waqt il-ħidma fl-għerien, tilef ħajtu Saman Kunan. Huwa kien qed jipprovdi l-maskli tal-ossiġnu, iżda miet il-Ġimgħa meta spiċċa bla ossiġnu u ntilef minn sensih.
Il-President tal-FIFA Gianni Infantino stieden lill-grupp kollu għal finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ nahr il-Ħadd li ġej, ġaladaraba jkunu f’saħħithom.