Kampjonat tar-Road Race 2018: It-tielet rebħa għal Marie Claire Aquilina | One News

Notifiki

Kampjonat tar-Road Race 2018: It-tielet rebħa għal Marie Claire Aquilina

Il-Kampjonat tar-Road Race organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmubġie fi tmiemu lbieraħ bit-tielet u l-aħħar tellieqa Tal-Maqluba, Żurrieq/Qrendi.

Fil-kategorija Elite, Alexander Pettett ta’ Pro Action – Volata CT rebaħ it-tiġrija ta’ għaxar dawriet għal distanza ta’ 100km f’ħin ta’ 2:38:39.67. It-tieni u t-tielet post kienu deċiżi permezz ta’ photo finish fejn Pierre Borg – Mosta AF Sign Studio CC spiċċat it-tieni f’2:39:17.56, filwaqt li Christian Formosa ta’ The Cyclist daħal it-tielet f’2:39:17.60.

Marie Claire Aquilina tat-Team Greens għal darb’oħra spiċċat l-ewwel fil-kategorija tan-Nisa meta għamlet is-seba’ dawriet tagħha ta’ 70 km, f’ħin ta’ 2:04:45.38. Ċiklisti oħra minn Team Greens spiċċaw fuq il-podju, t-tieni Danica Bonello Spiteri (2:06:05.68) u t-tielet Michelle Vella Wood (2:34:36.11).

Isaac Spiteri ta’ The Cyclist għal darb’oħra reġa rebaħ it-tigrija tal-kategorija tal-Juniors meta temm t-tmien dawriet ta’ 80 km f’1:53:51.48. Gianluca Camilleri ta’ Birkirkara St. Joseph SC irtira matul it-tiġrija.

Il-kategorija Masters 40+ intrebħet minn Ivan Zammit ta’ Birkirkara St. Joseph SC meta spiċċat is-seba’ dawriet (70 KM) f’1:52:29.60. It-tieni u t-tielet post spiċċaw żewġ ċiklist minn The Cyclist, Antoine Sultana (1:52:30.10) u Malcolm Cachia (1:52:37.27).

Il-kategorija Masters 50+ ġiet mirbuħa minn Mark Schembri tal-Mosta AF Sign Studio CC li spiċċa l-ħames dawriet tiegħu f’1:20:43.88. Huwa kellu sfida qawwija minn sieħbu Steve Mifsud (1:20:46.45). Fit-tielet post spiċċa Joseph Micallef ta’ The Cyclists li temm it-tellieqa tiegħu f’1:20:50.96.

Il-kategorija Under-16 ġiet mirbuħa minn Sean Enriquez tal-Mosta AF Sign Studio CC Micallef u għamel il-ħames dawriet tiegħu ta’ 50 KM f’1:29:10.39. Qrib tiegħu daħal Mika Zammit ta’ Agones SFC f’1:29:20.19.

Il-kategorija tal-Under-14 Girls reġgħet inrebħet minn Christina Spiteri ta’ The Cyclists li spiċċat iż-żewġ dawriet tagħha ta’ 20 KM f’0:35:10.32. Wara li temmet it-tiġrija Justine De Giorgio mill-Mosta AF Sign Studio CC f’0:39:33.16.

Matthew Galea Pirotta ta’ Mosta AF Sign Studio CC rebaħ it-tielet tigrija tiegħu li kienet tikkonsisti fi tliet dawriet fil-kategorija tal-Under-14 ta’ Boys f’0:53:06.54. Warajh daħlu żewġ ċiklisti oħra ta’ Mosta AF Sign Studio CC, Tristan Joseph Aquilina u Nathan Zammit b’ħinijiet rispettivi ta’ 0:58:07.36 u 1:00:08.29.

Wara t-tiġrijiet, Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, assistit mill-President John Zammit ippreżenta lir-rebbieħa kollha bil-medalji. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend