F’Ġunju għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra jgħaddu minnu iktar minn sitt mitt elf passiġġier.
Fil-fatt, b’żieda ta’ aktar minn erbatax fil-mija, it-total ta’ passiġġieri kien ta’ aktar minn sitt mija u tlieta U SITTIN elf.
Dan ifisser li kull jum ġew Malta jew telqu minn hawn iktar minn tnejn u għoxrin elf u mitt persuna.
F’Ġunju l-Ajruport kellu aktar minn erbat elef u sitt mija tlu u nżul. Fi ftit kliem f’kull ġurnata f’Ġunju kien hemm ajruplan tiela’ jew nieżel kull disa’ minuti.
Iż-żieda fil-passiġġieri ġiet id f’id ma’ żieda fiċ-ċaqliq ta’ ajruplani li żdiedu b’aktar minn ħmistax fil-mija.
L-iktar suq b’saħħtu kien dak Ingliż, bi kważi mija u sebgħin elf passiġġier.
Fost id-destinazzjonijiet l-iktar famużi, is-suq Spanjol kien dak bl-iktar żieda.
Żieda ta’ disgħa u erbgħin fil-mija li waslet grazzi għall-ftuħ ta’ rotot ġodda – iġifieri Malaga, Seville u Bilbao, u żieda fil-frekwenza fit-titjiriet għal Barċellona.