Jersaq lejn tmiemu x-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla | One News

Notifiki

Jersaq lejn tmiemu x-xogħol fuq Vjal ix-Xarolla

 

Ix-Xogħol fuq ‘Vjal ix-Xarolla’ qed jersaq lejn tmiemu u mistenni li jitlesta sal-aħħar t’Awwissu.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici spjega li dan il-proġett affaċċja dewmien mhux mistenni minħabba oqbra puniċi li nstabu tul ix-xogħlijiet.

Il-Ministru Bonnici qal li “It-triq tax-Xarolla li hemm illum xjentifikament ġie pruvat li hija mibnija fuq triq oħra ta’ żmien il-qedem li kien hemm f’dik iż-żona.  U sibna wkoll illi dik iż-żona tax-Xarolla fiż-Żurrieq kienet abitata minn żmien il-qedem tant illi sibna oqbra ta’ elfejn u ħames mitt sena ilu u kif ukoll fdalijiet paleo kristjani, jigifieri li huma iktar riċenti minn elfejn u ħames mitt sena ilu, pero għandhom eluf ta’ snin fuqhom u anke Cart Ruts.”  

Il-proġett sar b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro u inkluda t-tibdil ta’ servizzi ġodda ta’ disitribuzzjoni tal-ilma, drenaġġ, sistema ta’ dwal ġdida, kanali għall-ilma tax-xita u pedamenti tat-triq ġodda, bankini ġodda u wiċċ ta’ asfalt ġdid.

Dan filwaqt li dan il-proġett bidel parti minn triq arterjali f’waħda residenzjali u b’hekk il-bibien tad-djar se jkunu mifrudin mit-triq li tgħaddi t-traffiku minn naħa ta’ barra taż-Żurrieq u tieħdu lejn Ħal Safi u Ħal Kirkop.

Il-ministru għat-trasport, infrastruttura u proġetti kapitali, Ian Borg saħaq li t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta se jkun kruċjali biex ir-ritmu tajjeb li nqabad fuq ix-xogħol tat-toroq issa jkun sostnut.

Il-Minsitru Borg qal li “Aħna nafu  illi kien hemm ċertu dewmien kif kont qed nispjega, pero l-awtoritajiet ħadu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex intaffu mill-istess inkonvenjent, inħarsu l-quddiem ukoll issa li bit-twaqqif ta’ ‘Infrastructure Malta’ sabiex dan ir-ritmu, ir-ritmu illi għaddejjin fuq numru ta’ toroq inżommuh, inżiduh, insostnuh, ħalli ‘Infrastructure Malta’ tkun qed timplimenta seba’ mitt investiment fis-seba’ snin li ġejjin fuq it-toroq Maltin u Għawdxin.”

Il-gvern jippjana li malli titlesta din it-triq tibda l-ħidma għal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi  li tmiss ma’ triq ix-Xarolla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend