FILMAT: HUGO CHETCUTI MIŻMUM FL-ITU – ARRESTAT L-AGGRESSUR WARA ĠIRJA MINN SAN ĠILJAN SA TAS-SLIEMA | One News

Notifiki

FILMAT: HUGO CHETCUTI MIŻMUM FL-ITU – ARRESTAT L-AGGRESSUR WARA ĠIRJA MINN SAN ĠILJAN SA TAS-SLIEMA

 

Hugo Chetcuti għadu qed jiġi miżmum fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-isptar Mater Dei iżda sorsi tagħna qalulna li l-kundizzjoni medika tiegħu qed titjieb. Huwa qala’ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-22:45 tal-Ġimgħa filgħaxija f’Paceville meta l-Pulizija daħlulha rapporti li kien għadu kif ġie aggredit persuna b’sikkina.

Is-Sur Chetcuti li jmexxi numru kbir ta’ stabbilimenti tad-divertiment, ikel u lukanda f’Paceville ttieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei permezz ta’ karozza privata minn xi uffiċjali tas-sigurtà u minn qrabatu li kienu miegħu waqt li ġie attakkat.

Huwa kellu jiġi operat minnufih minħabba l-ġrieħi serji li ġarrab. Sorsi qrib l-Isptar Mater Dei kkonfermaw ma one.com.mt li dan l-aġir kien strumentali hekk kif Chetcuti beda jitlef ħafna demm.

Immedjatament wara li daħlulhom ir-rapporti waslu fuq il-post numru kbir ta’ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fejn bdew tfittxija fl-akwati kollha ta’ Paceville u Ta’ Sliema fuq xi direzzjonijiet li nagħtaw minn bouncers li segwewh wara li ħarab minn fuq il-post.

L-aggressur huwa Serb ta’ 35 sena, fejn ġie arrestat f’Tas-Sliema ntlemaħ għall-ewwel darba fit-telgħa tal-Balluta fejn minn hemm huwa ħarab jiġri lejn Tas-Sliema. Għal xi ħin huwa rnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija fl-inħawi tal-Exiles madankollu ftit tal-ħin wara hu ġie arrestat ħdejn l-isptar St James wara li pprova jirreżisti l-arrest.

L-arrest ma kienx wieħed faċli u l-pulizija kienu kostretti jużaw it-taser minħabba l-istatura kbira tar-raġel. Minn informazzjoni li ksibna jidher li wara l-arrest huwa ttieħed Mater Dei akkumpanjat minn numru kbir ta’ Pulizija għal xi ġrieħi ħfief li ġarrab huwa u jaħrab minn fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

One.com.mt hu informat li s-Serb mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:00. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend