Il-Kannabis mediċinali se tasal f'Malta dalwaqt | One News

Notifiki

Il-Kannabis mediċinali se tasal f’Malta dalwaqt

 

Kważi tliet xhur wara li l-Parlament illeġiżla dwar il-kannabis mediċinali, din il-mediċina se tkun disponibbli fl-ispiżeriji bir-riċetta tat-tabib fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra.

Dan stqarru ċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, li f’intervista’ ma’ dan l-istazzjon saħaq li l-mediċini li se jaslu se jkunu bil-marka magħrufa bħala EU GMP, li tfisser li l-kannabis mediċinali saret bi prattiċi tajbin skont livelli Ewropej.

Sostna li “Il-prodotti li issa ġew awtorizzati li jistgħu jiġu mpurtati f’Malta u li wieħed minnhom naħsbu li jista’ jasal fis-suq fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra, nisperaw, huma kollha manifatturati taħt EU GMP, jiġifieri għalina huma ta’ kwalità illi hi esiġenti ħafna, li tlabna li tkun.”

Konxju mill-fatt li hawn prodotti tal-kannabis mediċinali mhux ta’ kwalità tajba, u ammont limitat ta’ prodotti ta’ kwalità għolja, il-Professur Serracino Inglott saħaq li l-awtorità Maltija tal-mediċini hi kapaċi tiċċertifika l-prodotti tal-kannabis mediċinali li jidħlu minn barra, fosthom mill-Olanda. Proċess li qed jintuża biex iħajjar dawn il-kumpaniji jissuplixxu lil pajjiżna b’dawn il-prodotti.

Qal li “Pereżempju noffrulhom lill-kumpaniji li huma interessati li jesportaw lil Malta u anki lil dawk li huma interessati li ‘l quddiem jimmanifatturaw Malta, li aħna stess, l-Awtorità tagħna, avolja li r-riżorsi tagħna huma limitati li nagħmlulhom spezzjoni tal-post tagħhom u naraw li dan jilħaq EU GMP u jekk jilħaq ir-rekwiżiti kollha, li kif għedna huma strinġenti ħafna aħna noħorġu dan iċ-ċertifikat imbagħad ikun validu fl-Ewropa kollha.”

Tul l-intervista, il-professur Serracino Inglott saħaq li l-Awtorità tal-Mediċini tħares li mhux biss il-prodott li ġej ikun ta’ kwalità imma anki l-proċess li bih ikun sar il-prodott ikun tajjeb.

Spjega li fost l-oħrajn hemm li l-prodott ma jkunx miss ma pestiċidi jew fih metall.

Qal ukoll li filwaqt li ħaddieħor għadu se jibda jilleġiżla biex idaħħal il-kannabis mediċinali, pajjiżna huwa pijunier f’dan il-qasam.

F’dan il-kuntest qal li dan jgħabbi lil Malta b’responsabbilità akbar iżda fl-istess waqt pajjiżna se jkun ċentru t’eċċellenza li jattira kumpaniji rinomati biex jiġu joperaw f’pajjiżna u jipproduċu l-kannabis mediċinali hawnhekk.

Il-Professur spjega kif “Eħe qed jiġbed ħafna interess. Ma nkunx nesaġera jekk ngħid li kważi li l-kumpaniji maġġuri li jipproduċu l-kannabis għandhom interess. Meta nsaqsuhom għalfejn. Waħda mid-domandi li nħobb insaqsihom jien; speċi ta għalfejn ġejjin Malta, ma tantx għandna art, m’aħniex noffrulkom xi kundizzjonijiet wisqaħjar minn ħaddieħor. U invarjabilment kollha jgħidulek għax ir-reputazzjoni li diġa qed tikseb Malta, bit-tip ta’ liġijiet li għaddiet.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend