Insolvency Fund – għal aktar sigurta' meta wieħed jibbukkja btala | One News

Notifiki

Insolvency Fund – għal aktar sigurta’ meta wieħed jibbukkja btala

L-istaġun turistiku din is-sena ra attivita’ aktar mis-soltu fil-qasam tat-turiżmu. Fost l-oħrajn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu introduċiet l-Insolvency Fund, li huwa forma ta’ assigurazzjoni għal kull minn jixtri pakkett turistiku mingħand aġent irreġistrat taħt il-fond, liema aġent isofri falliment finanzjarju. Din it-tip t’assigurazzjoni tipprovdi biex min ma jkunx gawda mill-vaganza li xtara taħt forma ta’ pakkett, jingħata flusu lura. Jekk il-persuna ikkonċernata tinqbad barra min Malta, tinġieb lura lejn pajjiżna.

L-Awtorita’ żiedet l-infurzar tagħha matul dawn l-aħħar xhur sabiex tiżgura li pakketti turistiċi huma promossi minn operaturi liċenzjati mill-MTA kif ukoll sottoskritti għal dan il-fond assigurattiv.

Fil-fatt kien hemm diversi aġenti, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, li nstabu li ma kinux konformi mal-liġi u għaldaqstant ġew immultati jew saħansitra soġġetti għal aktar proceduri legali.

L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tixtieq tfakkar li persuna tkun biss protetta minn dan il-fond jekk tixtri pakkett turistiku mingħand aġenti li huma liċenzjati mill-Awtorita’, kif ukoll huma sottoskritti għal fond tal-Insolvency Fund.

Wieħed jista’ jsir jaf jekk aġenzija hix sottoskritta għall-fond billi jżur http://www.mta.com.mt/insolvencyfund.  Aġenti sottoskritti għandhom ukoll ċertifikat (sticker) imwaħħla mal-bieb ta’ barra jew fl-uffiċju tagħhom.  Konsumatur jista’ biss jieħu flusu lura, fil-każ li aġent ifalli, jekk ikollu ċertifikat uffiċjali li jinħareġ lill-aġenti sottoskritti għal fond, kull meta jinxtara pakkett turistiku.

L-Awtorita’ flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu għadhom kif nedhew ukoll kampanja edukattiva rigward dan il-fond.  Lista sħiħa ta’ kull min hu sottoskritt tista’ tinstab onlajn fuq http://www.mta.com.mt/insolvencyfund. F’każ ta’ diffikulta’ jew għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lil Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fuq 22915105.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend