Ħames offerti għall-proġett infrastrutturali li se jindirizza t-traffiku fiċ-ċentru ta' Malta | One News

Notifiki

Ħames offerti għall-proġett infrastrutturali li se jindirizza t-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta

Għalqet is-sejħa għall-offerti għall-kuntratt tax-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa għas-Central Link Project, proġett li ilu meħtieġ għexieren ta’ snin sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ residenti u persuni oħra li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi.

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li l-Gvern irċieva ħames offerti, b’valur medju ta’ €33.5 miljun (minn €28.4 miljun sa €39.5 miljun).

Huwa nnota b’sodisfazzjon li l-offerti mitfugħa huma inqas mill-istima inizjali ta’ madwar €55 miljun.

“Qed naraw biċ-ċar li l-kuntratturi f’dan is-settur qed jilqgħu l-pjan tal-Gvern biex jinvesti bis-sħiħ fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin. L-offerti mitfugħa jixhdu li dawn il-kuntratturi qed isaħħu r-riżorsi tagħhom ħalli joffru s-servizzi infrastrutturali meħtieġa mill-pajjiż, skont il-livelli ta’ kwalità għolja mitluba mill-Gvern u l-istandards internazzjonali tat-toroq, b’rati aktar kompetittivi. L-offerti li rċevejna ser jiġu meqjusa fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex tintgħażel l-aħjar waħda.

Permezz ta’ dan l-investiment, se jinbnew diversi toroq ewlenin fiċ-ċentru tal-pajjiż, biex jitnaqqas bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Atard, Ta’ Qali, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta.

Fl-istess waqt se jitjieb l-ambjent u l-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali ta’ dawn il-lokalitajiet. Is-Central Link Project jinkludi disinn u bini mill-ġdid ta’ din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri bejn il-Bypass tal-Imrieħel u r-roundabout ta’ taħt it-Tegħa tas-Saqqajja. Ser titntroduċi wkoll 7.4 kilometri ta’ korsiji ġodda, titjib l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ 13-il junction u neliminaw tliet sistemi ta’ traffic lights ewlenin sabiex jitneħħew id-diffikultajiet li jwasslu għal dewmien fl-ivvjaġġar.

Il-proġett ser jgħin ukoll fl-impenn tal-pajjiż li jżid l-użu ta’ mezzi aktar sostenibbli tal-ivvjaġġar, b’aktar min 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi tal-mixi ġodda, sistemi għall-ivvjaġġar aktar sikur bir-roti u anke titjib fil-faċilitajiet għat-trasport pubbliku.

Fil-ġimgħat li ġejjin, permezz tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, ser inkomplu niddiskutu dan il-proġett mal-entitajiet u l-individwi kollha konċernati, waqt li nibdew ukoll il-proċess stabbilit sabiex l-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent jiddeterminaw il-pjanti finali u l-permessi meħtieġa. Qed nisimgħu u nikkunsidraw diversi proposti sabiex inkomplu nirfinaw dan il-proġett u niżguraw li jinkludu l-aktar soluzzjonijiet vantaġġjużi u sostenibbli għal pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend