Malta ser tospita l-laqgħa tal-uffċjali tal-midja u l-kelliema tal-Isqfijiet Ewropej | One News

Notifiki

Malta ser tospita l-laqgħa tal-uffċjali tal-midja u l-kelliema tal-Isqfijiet Ewropej

Fuq stedina tal-Isqfijiet Maltin, il-laqgħa annwali tal-uffiċjali tal-midja u l-kelliema tal-Konferenzi Episkopali Ewropej ser issir f’Malta f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dan tħabbar fi tmiem laqgħa li saret f’Ruma ftit tal-jiem ilu fuq stedina tac-CEI (il-Konferenza Episkopali Taljana). Għal din il-laqgħa Malta kienet irrappreżentata minn Kevin Papagiorcopulo, Delegat tal-Arċisqof għall-Midja, f’isem l-Isqfijiet Maltin.

It-tema prinċipali tal-konferenza li saret f’Ruma kienet dwar kif il-Knisja fl-Ewropa għandha twassal l-istedina ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ferħ tal-Evanġelju f’dinja diġitali, b’mod partikolari liż-żgħażagħ fuq il-midja soċjali. Din it-tema ntagħżlet fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ li sejjaħ il-Papa Franġisku u li ser isir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.

Matul il-konferenza, id-delegati ltaqgħu mal-Papa fi tmiem l-udjenza ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa, mad-Direttur tas-Sala Stampa tas-Santa Sede Greg Burke, u mal-membri tad-Dekasteru l-ġdid tas-Santa Sede għall-Komunikazzjoni. Il-konferenza tmexxiet mill-Kardinal Angelo Bagnasco, President tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE).

Fi tmiem il-konferenza, Kevin Papagiorcopulo qal li huwa ta’ sodisfazzjon għall-Isqfijiet Maltin li jilqgħu f’Malta għal din il-konferenza lill-uffiċjali tal-midja u l-kelliema tal-isqfijiet mill-pajjiżi Ewropej. Awgura li din tkun opportunità li matulha d-delegati jiddiskutu wkoll il-mod li bih il-Knisja fl-Ewropa għandha tikkomunika b’konvinzjoni u b’determinazzjoni, partikolarment fuq temi li jolqtu l-ħarsien tal-ħajja umana f’kull stadju u f’kull pajjiż, inkluż fil-fruntieri tal-Ewropa. Il-konferenza f’Malta ser issir bejn
is-17 u d-19 ta’ Ġunju 2019.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend