Tisħiħ tas-servizzi governattivi fil-komunità tiegħek – One News

Notifiki

Tisħiħ tas-servizzi governattivi fil-komunità tiegħek

Is-Servizz Pubbliku qed iqarreb is-servizzi tiegħu aktar lejn iċ-ċittadin. Dan il-proċess ilu għaddej għal dawn l-aħħar snin bil-għan li l-pubbliku jinqeda bl-ikbar kumdità. Biex dan l-għan jintlaħaq twaqqfet servizz.gov li hija l-aġenzija tal-gvern li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha.

Twaqqfu wkoll numru ta’ ċentri reġjonali għal dawk il-persuni li jippreferu servizz wiċċ imb wiċċ filwaqt li għal dawk li jippreferu servizz onlajn twaqqaf sit elettroniku ġdid, bil-formoli kollha governattivi miġburin fiha. Jikkumplimenta dawn il-mezzi hemm il-Freephone 153 li joffri assistenza dwar dawn l-istess servizzi. Il-pubbliku għandu dawn l-għażliet kollha quddiemu. Kemm jara liema mezz jippreferi u jagħmel użu minnu.

Issa servizz.gov se jagħmel pass ieħor biex aktar servizzi jaslu għand iċ-ċittadin. Fiċ-ċentri reġjonali se jibdew jiġu offruti servizzi mingħand dipartimenti diversi, jiġifieri l-esperti ta’ tali servizz se jibdew imorru fil-qalba tal-komunità biex joffru assistenza lil dawk l-individwi li għandhom bżonnha. B’hekk, jekk ma jkunx jista’ jinqeda minn fuq it-telefon għal raġunijiet diversi, isir appuntament fiċ-ċentru reġjonali l-aktar qrib tiegħu u jinqeda.

It-tisħiħ tas-servizz huwa kruċjali biex il-pubbliku jingħata servizz ta’ eċċellenza. Fiż-żminijiet mgħaġġla tal-lum, kulħadd jistenna li jinqeda fl-iqsar ħin possibbli u bil-mezz li jixtieq hu. Għalhekk il-ħidma li saret kienet intenzjonata biex tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pubbliku, biex kemm jista’ jkun il-pubbliku jinqeda bl-inqas skariġġ, f’ħin li huwa konvenjenti għalih u fl-inqas żmien possibbli.

Il-pass li jmiss huwa li ċ-ċittadin jagħti l-informazzjoni tiegħu darba biss lill-Gvern. Dan ifisser li jekk illum jagħti l-informazzjoni tiegħu lid-Dipartimenti tas-Sigurtà Soċjali, l-għada ma jkollux għalfejn jerġa’ jdaħħal id-dettalji kollha tiegħu lid-Dipartimenti tal-Kummerċ. Għalkemm forsi għal uħud dan jidher li huwa xi proċess qasir jeħtieġ li jkun hemm sistemi lesti li jaraw li dan ikun jista’ jsir bl-inqas diffikultajiet possibbli.

B’hekk biss is-Servizz Pubbliku jista’ jassigura li jilħaq il-mira tiegħu ta’ servizz ta’ eċċellenza.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend