Qabad ritmu tajjeb il-Proġett tal-Iskola Medika ta' Barts | One News

Notifiki

Qabad ritmu tajjeb il-Proġett tal-Iskola Medika ta’ Barts

Wara li fix-xhur li għaddew twaqqgħu l-binjiet u l-istrutturi antiki li kienu jagħmlu parti mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fil-ġimgħat li għaddew ssoktaw ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-iskola medika ta’ Barts u ċ-ċentru tal-anatomija.

Matul il-jum tat-Tlieta ONE NEWS żar is-sit fejn seta’ jinnota attività sħiħa b’bosta ħaddiema tal-kuntrattur fuq il-lant tax-xogħol. Dan ftit jiem biss wara li l-ġurnal The Times ħareġ jallega li x-xogħol kien waqaf zopptu u li ma kien hemm ebda attività.

Dr Nadine Delicata minn Steward Healthcare qalet li x-xogħol miexi b’ritmu tajjeb.

“Irrid inserraħ ras kulħadd li x-xogħol m’hux wieqaf, ix-xogħol għaddej b’ritmu ‘steady’ kemm fuq l-iskola medika kif ukoll fuq iċ-ċentru tal-anatomija li t-tnejn jinsabu fuq il-Campus tal-isptar f’Għawdex.  Aħna kuntenti ħafna bil-progress tax-xogħol u bil-kwalitá tax-xogħol li għaddej u ninsabu kunfidenti illi l-miri tagħna se jintlaħqu.” 

Dr Delicata saħħqet li t-tixrid ta’ xniehat fiergħa ma jagħmilx ġid għax-xogħol li qiegħed isir. Qalet li dan joħloq biżgħat bla bażi fost l-impjegati.

“Tnissel ħafna dubji, dubji kemm fl-imsieħba tagħna, jiġifieri Barts u imsieħba oħra, pero l-iktar importanti għalija, tnissel dubji wkoll fl-impjegati tal-isptar.”

Il-Kap Eżekuttiv  qalet li l-mira ta’ Steward Health Care hi li sal-aħħar ta’ din is-sena x-xogħol fuq iċ-ċentru tal-anatomija jkun lest u li x-xogħol fuq l-iskola medika jkun wasal fi stadju avvanzat ħafna.  Qalet li wara ‘Steward’ hija kommessa li tibda’ tħares lejn il-pjanijiet għall-Isptar Ġenerali ta’Għawdex, l-isptar Karen Grech u l-isptar San Luqa.

Il-propett tal-iskola medika ta’ Barts diġà ġibed għexieren ta’ studenti barranin li qegħdin jistudjaw il-mediċina f’Għawdex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend