Bini mill-ġdid ta' Triq Ħal-Far fiż-Żurrieq | One News

Notifiki

Bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal-Far fiż-Żurrieq

Beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq proġett ta’ madwar miljun ewro li se jara Triq Ħal Far fiż-Żurrieq mibnijja mill-ġdid. Il-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea se twassal għal tibdil fis-servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni li għaddejjin minn taħt il-livell tat-triq biex wara jinbnew pedamenti ġodda.

Fuqhom imbagħad jibda xogħol fuq it-triq twila madwar tliet kilometri li se tkun qed tingħata wiċċ ġdid.

Biex jitħaffef ix-xogħol il-proġett se jkun qed isir f’żewġ fażijiet u minn żewġ kuntratturi separati li se jkunu qed jaħdmu fl-istess ħin.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li s-sewwieqa ilhom snin jitolbu li t-triq tiġi rranġata.  Dan minħabba l-fatt li hija utli ħafna kemm għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fil-madwar kif ukoll fit-traġitt ta’ persuni li joqogħdu fiż-Żurrieq, Birżebbuġia u lokalitajiet tal-madwar.

Il-Ministru Ian Borg saħaq li l-bini mill-ġdid ta’ toroq rurali huwa ħolqa importanti ħafna mill-pjan tal-gvern fl-investiment bla preċedent fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.  Qal li dawn it-toroq jnaqqsu  t-traffiku miċ-ċentri tal-lokalitjiet u toroq oħra arterjali.

“Apparti t-toroq arterjali u distributorji, irridu nagħtu każ ħafna t-toroq residenzjali, pero għandna dawk it-toroq rurali wkoll. It-toroq li huma bejn lokalità u oħra u ħafna drabi, apparti li jintużaw mill-bdiewa u r-raħħala, ikunu jintużaw ukoll sabiex jiġu iddevjati ċertu traffic management jew biex jevitaw konġestjonijiet fuq it-toroq arterjali.” 

Minn barra din it-triq għaddej xogħol ukoll fuq madwar tletin triq oħra fil-kampanja. Fosthom Triq ir-Remel bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, Triq iż-Żinżel bejn Wied il-Għajn u ż-Żejtun u toroq oħrajn fl-inħawi tal-Baħrija, Rabat, Ta’Qali, Delimara, Naxxar u Burmarrad.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend