Tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità, li se ssir bejn is-16 u 22 ta’ Settembru bit-tema ‘Mix and Move’, bl-għan li jitħeġġeġ użu ta’ trasport differenti għal bżonnijiet differenti.
Għal din l-okkażjoni, Kunsilli Lokali u għaqdiet huma msejħa biex jorganizzaw attivitajiet u miżuri kemm tul dik il-ġimgħa, u oħrajn permanenti.
Fil-fatt hemm numru ta’ għotjiet f’kompetizzjoni, li l-Kunsilli jistgħu jibbenefikaw minnhom, biex jorganizzaw ‘Car Free Day’, ġimgħa ta’ attivitajiet, jew saħanistra t-tnejn li huma.
Barra minn hekk hemm fondi f’kompetizzjoni oħra sabiex jitwettqu miżuri permanenti fil-komunitajiet.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, innota kif il-Gvern għaddej b’numru ta’ inizjattivi favur trasport aħjar, inkluż trasport pubbliku, fejn innota li filwaqt li fl-2011/2012 kien hemm 23 miljun passiġġier li għamlu użu mit-trasport pubbliku, illum dan tela’ għal madwar 50 miljun.
Barra minn hekk innota kif fil-ġejjieni qrib se jkun ippubblikat dokument ta’ konsultazzjoni nazzjonali dwar iċ-ċikliżmu.