Il-fotografu li ħa saħħtu lura wara li kien f'xifer il-mewt | One News

Notifiki

Il-fotografu li ħa saħħtu lura wara li kien f’xifer il-mewt

Tgħix biex taħdem. Aħdem biex tgħix – għax il-ħajja qasira wisq. Dan l-appell ta’ Mario Cocker – raġel li bħal-lum sena kien f’xifer il-mewt, iżda li llum tgħallem jgħix ħajja differenti.

Kien fis-sebgħa ta’ Ġunju tas-sena l-oħra meta l-fotografu Bormliż ħa aħbar li biha, ħajtu nqalbet ta’ taħt fuq.

Dik li kellha tkun lejla ta’ xogħol normali – meta kien qed jieħu r-ritratti waqt tieġ f’Għawdex, inbidlet f’lejla li matulha telalu d-deni u spiċċa l-Isptar.

Meta persuna tieħu riżultat negattiv speċjalment ta’ mard, il-ħajja tal-bniedem ħa tinbidel. Ħa tinbidel għall-ħażin u mhux għat-tajjeb.

Lil Mario sabulu mikrobu fid-demm li attakkalu qalbu. Aħbar li ma setax jaċċetta, speċjalment fid-dawl li kien bniedem li dejjem kiel ikel tajjeb għas-saħħa u pprattika l-isport.

Minn test mediku għall-ieħor, bla ma jaf kif, f’nofs Ġunju sab ruħu fuq l-ajruplan fi triqtu lejn Londra.

Fit-tmienja u għoxrin ta’ Ġunju ġie operat f’intervent li dam xejn inqas minn seba’ sigħat u nofs.

Ma’ ONE News stqarr li qabel l-operazzjoni kellu biżà kbira li ma tirnexxix, iżda kienet il-ġlieda ta’ kif se jirkupra wara dik li żammitu għaddej.

Dik kienet li jiena looking forward jien x’se nagħmel biex nirkupra? Kont nitkellem mat-tobba, tkellimt ma’ ħafna nies hemmhekk, tieħu l-pariri, imma at the end of the day int trid tkun u ma tridx tisma’ affarijiet negattivi kemm fuq internet jew fuq midja ta’ televiżjoni, trid timxi ħafna.

Sena wara, filwaqt li kompla biċ-ċikliżmu, Mario qed iqatta’ ħafna iżjed ħin ta’ valur mal-familja.

Għaliex fi kliemu, l-akbar tagħlima li ħa minn dan kollu, hija li l-ħajja mhijhiex ix-xogħol.

Il-ħajja mhumhiex il-flus biss għax aħna qbadna ħajja llum li l-flus jiddominaw kollox. Il-ħajja hija int, in-nies ta’ madwarek, il-familja, kemm ħa tibqa’ magħqudin, magħhom u mal-Bambin li hemm hemm fuq jieħu ħsiebna li aħna xi kultant ninjurawh.

Lil Mario kien hemm min qallu li għandu sena u nofs biex jirkupra. Kien hemm min qallu li mhux se jsuq iżjed rota.

Iżda dejjem emmen fih innifsu u qatt ma qata’ qalbu, għaliex qal li huwa meta tkun fit-tarf li titlef ħajtek li tirrealizza l-barka tal-ħajja u l-affarijiet li huma l-iżjed importanti.

Jiena parir wieħed nagħti li inti dejjem tieħu l-pariri tan-nies professjonali li qed jieħdu ħsiebek u tisma’ minnhom biss u dejjem looking forward li intri trid tfieq fil-ħajja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend