Il-PA bi spezzjonijiet fuq kull sit tal-kostruzzjoni | One News

Notifiki

Il-PA bi spezzjonijiet fuq kull sit tal-kostruzzjoni

Hekk kif fix-xhur tas-sajf diversi xogħlijiet fuq barra tas-siti tal-kostruzzjoni jkollhom jieqfu, ix-xogħol fuq ġewwa tal-bini ma jieqafx.

Iż-żoni turistiċi huma l-aktar żoni li qed jaraw żvilupp u għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Building Regulation Office ta’ kull xahar qed jagħmlu mijiet ta’ spezzjonijiet sabiex jassiguraw li s-siti tal-kostruzzjoni jkunu konformi mal-liġijiet.

Fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju biss saru aktar minn mija u sittin spezzjoni fil-Gżira, San Ġiljan u Ta’ Sliema. Minn dawn f’disgħa u disgħin instabu xi irregolaritajiet. 

LOKALITÀ GŻIRA SAN ĠILJAN SLIEMA TOTAL
SITI SPEZZJONATI 64 61 43 168
SITI RREGOLARI 40 41 18 99

Flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-infurzar, crew ta’ ONE News qatta’ nofstanhar iterraq it-toroq tal-Gżira sabiex segwa mill-qrib kif isiru dawn l-ispezzjonijiet.

L-ewwel ħaġa li ssir mill-uffiċjali tal-infurzar huwa li jassiguraw ruħhom li ma’ kull sit ikun hemm notifika tax-xogħlijiet u l-permessi kollha mwaħħla f’post prominenti.

L-aperturi ta’ kull sit tal-kostruzzjoni għandhom ikunu magħluqin permezz ta’ xibka jew bl-injam sabiex waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet fuq ġewwa ma joħroġx trab il-barra. Dawn iwaqqfu wkoll persuni milli jidħlu fis-sit.

Il-bankini ma jistgħux jiġu ostakolati u l-passaġġ għandu dejjem jitħalla liberu u sigur. Xogħlijiet matul il-jum tal-Ħadd ma jistgħux isiru u bl-ebda mod ma tista’ ssir ħsara fuq propjetajiet oħra li jinsabu biswit is-sit.

Meta jkun hemm xi ksur ta’ dawn il-liġijiet, il-persuna responsabbli mis-sit tiġi kkuntattjata u tinagħta ħmistax-il ġurnata sabiex tiregolarizza ruħha.

Jekk ix-xogħiljiet jibqgħu ma jsirux is-sit jingħalaq mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-ebda ħaddiem ma jitħalla jidħol jaħdem u dawk li jkunu għaddejjin fuq xogħol fis-sit jinħarġu l-barra.

Mill-ispezzjonijiet li jsiru l-aktar irregolaritajiet komuni huma aperturi miftuħin u bankini ostakolati jew imkissra.

Fi tliet lokalitajiet biss ġew innutati disgħa u ħamsin sit b’aperturi miftuħin u erbgħa u erbgħin bankina ostakolata jew imkissra.

LOKALITÀ GŻIRA SAN ĠILJAN SLIEMA TOTAL
SIT MHUX MAGĦLUQ 6 11 7 24
APERTURI MIFTUĦIN 27 22 10 59
BANKINI OSTAKOLATI 12 24 8 44
XOGĦOL IL-ĦADD 0 1 0 1
ĦSARAT FI PROPJETÀ 5 5 1 11
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend