L-ITS u l-MUT jiffirmaw ftehim kollettiv għall-akkademiċi | One News

Notifiki

L-ITS u l-MUT jiffirmaw ftehim kollettiv għall-akkademiċi

L-ewwel darba f’27 sena, l-akkademiċi tal-ITS se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ugwali ma’ akademici f’istituzzjonijiet ta’ l-istess livell akademiku gewwa Malta.
Wara aktar minn sena ta’ diskussjonijiet, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Malta Union of Teachers jiffirmaw ftehim kollettiv għall-akkademiċi tal-ITS. Il-ftehim kollettiv ġie approvat b’maġġoranza assoluta mill-akkademiċi. Għall-ewwel darba, l-akkademiċi tal-ITS se jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet bhall edukaturi ohra f’istituzzjonijiet edukattivi ta’ l-istess livel gewwa Malta. Dan il-ftehim se jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2017 b’ terminu ta’ hames snin.

L-akkademiċi tal-ITS se jibbenefikaw minn salarji li jaqblu ma’ dawk ta’ Istituzzjonijiet edukattivi ta’ l-istess livell, u għall-ewwel darba l-akkademiċi se jibbenefikaw ukoll minn riżorsi tax-xogħol. L-akkademiċi se jibbenefikaw ukoll minn kundizzjonijiet ta’ xogħol li huma konformi ma’ istituzzjonijiet akkademiċi oħra. Dan il-ftehim kollettiv se jwitti ukoll t-triq għall-proġett tal-ITS biex jistrasformi l-Istutut f’wiehed Internazzjonali. B’dan l-għan, l-ITS u l-MUT qablu dwar prattiċi ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli, li jvarjaw mit-8:30 am sal-11pm, li jirriflettu l-prattiki operattivi tal-industrija ta;-ospitalita’ u t-turiżmu.

Dan il-ftehim kollettiv se jħejji it-triq għal-tagħlim modulari, li saħansitra se jgħin aktar fl-iżvilupp tal-ITS biex jikkompeti ma’ Istituzzjonijiet Internazzjonali. It-tagħlim modulari mhux biss jista’ ikun ta’ vantaġġ għall-istudenti u edukaturi, iżda jippermetti wkoll biex individwi li diġà qed jaħdmu fl-industrija ikunu jistgħu ikomplu l-istudji tagħhom u jiksbu kwalifiki ogħla b’mod iktar faċli.

Fi stqarrija konġunta, ic-Chairperson tal-ITS, is-Sur Carlo Micallef u l-Kap Ezekuttiv tal-ITS is-Sur Pierre Fenech iddikjaraw li “Dan il-ftehim kollettiv huwa pass importanti għalina u aħna lkoll kuntenti li wasalna għal ftehim mal-MUT li jibbenefika kemm lill-akkademiċi kif ukoll lill-istitut, u kif ukoll l-aktar importanti, l-istudenti tagħna. Dan l-iffirmar huwa pass ieħor kruċjali lejn l-iżvilupp tal-ITS ghall wieħed ta’ livell Internazzjonali. Dan wara pass importanti ieħor biex l-ITS jiġi trasferit għal kampus li jgħaqqad it-tnejn preċedenti f’San Ġiljan u f’Pembroke. Il-kampus il-ġdid se jkun jista’ jospita aktar studenti u jipprovdi wkoll klassijiet speċjalizzati u laboratorji tat-tagħlim.”

Il-President tal-MUT, is-Sur Marco Bonnici iddikjara li “l-MUT aċċetta l-qagħda mwiegħra tal-akkademiċi li jaħdmu f’istituzzjonijiet post-sekondarji vokazzjonali li ilhom itolbu l-allinjament tal-kundizzjonijiet mal-kontropartijiet tagħhom għal bosta snin. L-MUT fehem li l-ITS ressaq talbiet għal titjib fil-finanzi u l-kundizzjonijiet biex jirrikonoxxi x-xogħol siewi li qed jitwettaq mill-akkademiċi tiegħu. Aħna kburin li kkonkludejna l-ewwel ftehim li jqajjem edukazzjoni vokazzjonali f’livell ġdid fl-ITS, istituzzjoni li hija sinonimu ma’ edukazzjoni vokazzjonali ta’ kwalità għolja fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità u li qiegħda tevolvi biex tilħaq il-ħtiġijiet tas-settur u l-istudenti tagħha.”

F’dikjarazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv huwa pass importanti lejn it-trasformazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’istituzzjoni edukattiva nazzjonali ta’ livell ogħla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend